Ta’ kull sena, ‘Milied fil-Pjazza’ tiftaħ l-istaġun festiv f’Birżebbuġa b’attivita’ mfittxija ferm li tgħaqqad il-lokal u lil dawk kollha li jżuru dan ir-raħal f’dawk il-ġranet.
Fl-ewwel tmiem il-ġimgħa ta’ Diċembru, voluntiera mill-Parroċċa ta’ Birżebbuġa ser jorganizzaw din l-attività fuq iz-zuntier u l-pjazza tal-Knisja u l-madwar. Il-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa jgħin finanzjarjament biex tiġi organizzata din l-attività, li l-qofol tagħha huwa kollu xogħol volontarju. Diversi għaqdiet fir-raħal ta’ Birżebbuġa, bħall-Girl Guides, iż-AK Birżebbuġa, u l-kor tal-parroċċa, fost l-oħrajn, se jkunu qed jagħtu sehemhom.
Il-pjazza se tkun armata b’bankarelli b’rigali, b’xogħol artiġjanali, pjanti, ikel, xorb tradizzjonali tal-Milied, u ħafna affarijiet oħra. Se jkun hemm ukoll photoboot u area apposta għat-tfal b’logħob u attrazzjonijiet għalihom, fosthom workshops tal-pasturi.
Din is-sena se jkun hemm ukoll presepju ħaj li se jkun qiegħed janima l-ġrajja tal-Milied. Is-serati se jkunu mżewqa b’diversi talenti fosthom permezz tal- band lokali Bernie and Pod u l-kantant Kyle Cutajar. Il-Ħadd filgħodu se ssir fun run għal kulħadd imsejħa “Mill-Pjazza sal-Pjazza”.
Sa mill-2016, ta’ kull sena, f’’Milied fil-Pjazza’ jintlaħaq rekord nazzjonali. Fost dawn insibu s-slitta tal-Father Christmas, siġra tal-Milied għolja seba’ sulari u, f’sena minnhom, ittellgħu numru ta’ siġar tal-Milied sinkroniżatti flimkien mad-dawl u l-mużika.
Din is-sena il-pubbliku huwa mistieden li jkun parti minn dan ir-rekord. Christine Francalanza, li hija waħda mill-voluntiera ħabrieka mill-Parroċċa ta’ Birżebbuġa, tkellmet ma’ One News dwar il-ħsieb wara r-rekord nazzjonali ta’ din is-sena.
‘Fost l-għaqdiet fi ħdan il-paroċċa hemm il-Grupp Armar, illi dawn ħasbu biex kull sena jagħmlu xi ħaġa speċjali. Infatti, fl-ewwel sena, għamilna siġra tal-Milied ta’ seba’ sulari. Is-sena ta’ wara konna għamilna Christmas tree ddur mal-mużika, għamilna diversi affarijiet. Din is-sena l-ħsieb huwa ferrovija. Mhux se niżvela ħafna, pero n-nies jistgħu ikunu parteċipi wkoll f’dan ir-rekord. Ħriġna xi ritratti ta’ biċċiet minnha, pero nassigurak li dawk li jiġu s-Sibt filgħaxija fit-tmienja ħa jkun hawn ir-rekord, li jarawh b’għajnejhom in-nies.’