Mit-Tnejn l-ispiżjara komplew ibiegħu l-maskri hekk kif ġie rregolat il-prezzijiet tal-maskri u l-visors.
Dan wara daħal fis-seħħ l-avviż legali għall-użu tal-maskri f’ċertu postijiet bħal ħwienet u anki fuq karozzi tal-linja fost oħrajn.
L-avviż legali ffissa wkoll prezz fuq il-maskri biex dawk is-surgical masks li jintremgħu wara li jintużaw ma jinbiegħux aktar minn €0.95 filwaqt li l-prezz tal-visors ma jkunx t’aktar minn €5.
Malli l-gvern ħabbar dan il-prezz fiss, il-Kamra tal-Ispiżjara tat direttiva lill-ispiżjara biex ma jbiegħux maskri wara li ħasset li hemm bżonn iżjed diskussjonijiet iżda imbagħad qablu li jbiegħu dan l-ilbies protettiv fil-parametri tal-prezzijiet imħabbra mill-Gvern.
Meta kien qed iwieġeb għal mistoqsijiet tal-ġurnalisti, l-Prim Ministru Robert Abela qal li l-iffissar tal-prezzijiet għal dan l-ilbies protettiv huwa wieħed raġonevoli.
“Ix-xogħol tal-gvern jara li jsir kompromess. Pero nifhem li għal klijent hija ġusta jekk spizjara marru minn taħt naraw kif insibu soluzzjoni.”
Fuq l-iffissar ta’ prezzijiet favur l-interessi tal-konsumatur ma qablitx il-Kamra tan-Negozji ż-Żgħar u Medji li kritikat lil Gvern talli ħoloq parametri biex il-maskri ma jaqbużx il-prezz stipulat.
Dan l-istazzjon hu infurmat li l-Gvern tkellem mal-ispiżjara biex jgħinhom anki fuq maskri li laħqu ġew impurtati.
Il-Prim Ministru faħħar ix-xogħol tal-ispiżjara li flimkien ma’ mediċi oħra kienu fuq quddiem tal-ġlieda kontra l-Coronavirus.
“Jekk hemm lok li nkomplu ngħinu, ngħinu. U se tarawha ukoll b’aktar inċentivi.”
Intant, l-Assoċjazzjoni Malta tal-bankiera qalet li wara taħdiet mas-Supretendenza tas-saħħa pubblika, il-pubbliku li jilbes maskra huwa mitlub li jneħħiha temporanjament fil-binja tal-fergħa bankarja minħabba sigurtà.