Il-Gvern u l-GRTU laħqu ftehim dwar il-pompi tal-fjuwil.
Dan hekk kif il-Ministru Joe Mizzi ressaq offerta quddiem il-GRTU waqt il-laqgħa li saret is-Sibt.
Offerta li ġiet aċċettata mill-GRTU u li ma titfax piż fuq il-konsumaturi u n-negozji.
Il-GRTU irringrazzjat lill-Ministru Mizzi għar-rieda li wera sabiex iż-żewġ naħat jaslu għal ftehim.
Il-kwistjoni bdiet wara li s-sidien tal-pompi tal-fjuwil ġew mitluba biex jagħmlu xogħlijiet ta’ aġġornament tal-pompi biex ikunu konformi ma’ standards Ewropej.
Madankollu, huma talbu żieda fil-qligħ.
Lura fl-2011 l-Awtorità Maltija għar-Riżorsi ta’ dak iż-żmien kienet tat żieda fil-profitt mill-fjuwil lill-pompi, speċifikament bil-kundizzjoni li dawn ikopru x-xogħlijiet li għandhom isiru sas-sena 2020 iżda għalkemm is-sidien kollha tal-pompi tal-fjuwil kellhom l-obbligu li jagħmlu dan, 9% biss tal-pompi tal-fjuwil għamlu dan l-investiment.
Fl-aħħar jiem il-GRTU kienet ordnat direttiva lis-sidien tal-pompi tal-fjuwil sabiex ma jħaddmux il-magni awtomatiċi tal pompi tal fjuwil wara s-sitta ta’ filgħaxija, liema ordni ġiet irtirata lbieraħ bħala sinjal ta’ rieda tajba qabel il-laqgħa tal-lum mal-gvern.