Għat-tieni sena konsekuttiva se jkun hemm żieda fil-pensjoni. Fil-baġit għal din is-sena l-Gvern ħabbar li minn din is-sena se jkomplu jitwieżnu dawk il-pensjonanti u anzjani miżżewġin b’pensjoni minima.
Għaldaqstant, mil-lum se jkunu qed jieħdu żieda ta’ €4 fil-ġimgħa (jew €208 fis-sena). Din iż-żieda se titħallas pro-rata ukoll lil min għandu l-pensjoni tiegħu ftit ogħla mill-pensjoni minima. Iż-żieda mħabbra se titħallas ukoll lill-pensjonanti miżżewġin li jieħdu l-pensjoni tal-età.
Minn din is-sena wkoll tibda tidħol fis-seħħ ir-riforma ta’ kif il-pensjonanti jħallsu t-taxxa biex il-pensjoni massima tal-Gvern mhix se tkun taxxabbli f’riforma li se tkun implimentata fuq sentejn.
Il-Gvern se jagħti inċentivi fiskali f’forma ta’ kreditu ta’ taxxa lil dawk il-kumpaniji li jinvestu fi skemi ta’ pensjoni f’isem il-ħaddiema.
Din is-sena se jerġa’ jitħallas bonus lil numru ta’ nies, l-aktar nisa miżżewġa, li jkunu ħallsu kontribuzzjonijiet matul ħajjithom iżda ma ħallsux biżżejjed biex jikkwalifikaw għall-pensjoni. Minn din is-sena dan il-bonus żidied b’€50 fis-sena. B’hekk, il-bonus ta’ dawk li jkunu laħqu l-età tal-irtirar iżda m’għalqux 75 sena u li ħallsu aktar minn sena kontribuzzjonijiet iżda anqas minn 5 snin, se jiżdied minn €100 għal €150, filwaqt li l-bonus ta’ dawk li ħallsu aktar minn 5 snin kontribuzzjonijiet se jiżdied minn €200 għal €250 fis-sena.
Madanakollu, wieħed irid ifakkar li se tinbidel il-liġi tal-Bills tat-Teżor ta’ Malta biex inkunu jistgħu noħorġu savings bonds, b’rati attraenti, indirizzati apposta għall-bżonnijiet tal-pensjonanti.
B’hekk, pensjonanti issa jkunu jistgħu jinvestu f’bonds tal-Gvern b’rata tal-imgħax aħjar milli joffri s-suq.