L-awtorità Transport Malta ntroduċiet ir-regolamenti l-ġodda b’rabta mal-vetturi rreġistrati bil-Y-Plates, li joffru servizz ta’ ġarr ta’ passiġġieri b’vetturi żgħar u kiri ta’ vetturi.
Fi stqarrija, l-awtorità nnotat li l-għan tar-regolamenti eżistenti jipprovdu aktar ċarezza u gwida lill-operaturi, iżda wkoll lill-pubbliku. Dan filwaqt li jikkumplimentaw l-isforzi għar-regolamentazzjoni tas-settur, fosthom li x-xufiera f’dan il-qasam irid ikollhom liċenzja tas-sewqan ta’ Malta jew tal-Unjoni Ewropea.
Ġie ċċarat li dawn il-vetturi għandhom jiġu ggaraxxjati fi kwalunkwe post li mhuwiex fit-triq. Dan billi l-applikant għandu l-obbligu li jissottometti rapport minn perit li jikkonferma l-indirizzi u l-pjanti tas-sit u jispeċifika n-numru totali ta’ vetturi li jkun jesa’ l-istess garaxx.
Dawk l-operaturi li għandhom ħames vetturi jew aktar iridu jipprovdu l-permess ta’ żvilupp relattiv li japprova l-użu tal-faċiltà, fost l-oħrajn. Dan flimkien ma’ dikjarazzjoni ta’ perit biex l-applikant jikseb il-liċenzja ta’ operator.
Id-dikjarazzjoni tal-perit flimkien ma’ site map għandhom ikunu ffirmati u ttimbrati mill-perit għal kull operatur.
F’każ li l-operatur iżid vettura fil-flotta tiegħu għandu jkun ċert li jkollu spazju biżżejjed għaliha, jekk le dan għandu japplika għal żieda fil-post għall-iggaraxxjar biex jakkomoda l-vettura jew vetturi li jkunu żdiedu.
Filwaqt li r-regolamenti daħlu fis-seħħ mill-Ħamis, dawk li diġà għandhom liċenjza ta’ operatur għandhom tnax-il xahar biex jiġu konformi mar-regolamenti kif emendati.
Transport Malta qalet li aktar informazzjoni tinkiseb permezz ta’ imejl fuq info.tm@transport.gov.mt.