Mil-lum kull ħaddiem uffiċjalment ingħatalu jum ‘leave’ miżjud għal din is-sena.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Impjiegi u u r-Relazzjonijiet industrijali Carmelo Abela hekk kif spjega li ż-żieda addizzjonali ta’ tmien sigħat leave oħra bi ħlas kienet imħabbra fil-Budget 2020.
B’din il-ġurnata oħra leave din hija t-tielet sena konsekuttiva li l-Gvern qed irodd lura ġurnata leave lill-ħaddiema biex b’hekk jagħmel tajjeb għall-ġranet tal-festi pubbliċi li jaħbtu fi tmiem il-ġimgħa.
“Għat-tielet sena konsekuttiva Gvern Laburista żamm kellmtu mal-ħaddiema fejn dawk il-festi li jaqgħu s-Sibt jew il-Ħadd qed jingħataw lura lill-ħaddiema tagħna wara li ħaddieħor kien neħħihom u ħadomlhom.”
Fi stqarrija tal-Gvern ġie spjegat kif is-sigħat addizzjonali ta’ leave bi ħlas għandhom jingħataw b’żieda ma’ dawk is-sigħat ta’ leave bi ħlas li huma diġa provduti kemm bil-liġi u anke ma’ kundizzjonijiet stabbiliti fil-kuntratt tax-xogħol.
Il-Ministru Carmelo Abela qal li b’hekk Gvern Laburista qed jagħti lill-ħaddiem jum ieħor fis-sena biex dan iqattgħu kif jixtieq hu.
Jum li jissarraf f’nifs ieħor lill-ħaddiema tagħna biex jiffukaw fuq il-ħajja ’l bogħod mix-xogħol; mal-familja tagħhom jew f’ambjenti li jirrilassawhom.
“Bħala Gvern kburin li qed nippruvaw nilħqu u nagħmlu l-għalmu kollu tagħna biex dan il-bilanċ nilħquh ħalli b’hekk anke l-ħaddiema tagħna jkollhom mhux biss id-dħul xieraq permezz tal-ħidma tagħhom imma li jkunu kuntenti li jsibu aktar ħin biex iqattgħu mal-għeżież tagħhom.”