Ir-reġistrazzjoni tat-twelid u mewt bdiet tkun possibbli online permezz tas-sit tal-Aġenzija Identità Malta. Il-pubbliku jista’ jirreġistra t-twelid ta’ tarbija ġdida jew il-mewt ta’ persuna billi sempliċiment jimla formola ta’ reġistrazzjoni online.
Ħabbru dan il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri u s-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza Alex Muscat f’konferenza tal-aħbarijiet fl-uffiċċini tal-Aġenzija f’Birkirkara.
Muscat qal li l-proċess kien diġà ssimplifikat bl-uffiċċju fl-Isptar Mater Dei iżda din is-simplifikazzjoni se tieħu dimensjoni oħra, fid-dawl li ta’ kull sena jkun hemm medja ta’ 4,100 twelid u 3,300 mewt.
Qal li dan ifisser li madwar 7,400 familja kemm f’mument ta’ ferħ kif ukoll f’ta’ niket, għandha iżjed kumdità u flessibilità biex tirreġistra ċ-ċirkostanza tal-ħajja.
L-Onor. Muscat stqarr: “Din hija miżura biex tissimplifika l-ħajja ta’ dak li jkun li jiġu bżonn dan is-servizz u qed jingħata servizz iżjed faċli, iżjed komdu, iktar prattiku sabiex niffaċilitaw il-ħajja tal-komunitajiet tagħna.”
Min-naħa tiegħu l-Ministru Byron Camilleri qal li xogħol Identity Malta semma li l-klijent għandu jkollu l-għażliet kollha quddiemu.
Huwa sostna: “Permezz ta’ investiment fit-teknoloġija qegħdin naraw li tonqos il-burokrazija, li persuni ma jkollomx għalfejn jiġu fl-uffiċini ta’ Identity Malta, u min ġewwa d-djar tagħhom ikunu jistgħu jirċievu s-servizzi kollha li hemm bżonn.”
Stqarr ukoll li biex Identity Malta tonora l-obbligi tagħha aħjar lejn iċ-ċittadin, dejjem għandha tosserva l-aħħar avvanzi legali u teknoloġici.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Identity Malta s-Sur Anton Sevasta qal li l-aġenzija se tkun qed tmexxi numru ta’ servizzi oħrajn online sabiex tilħaq il-miri strateġiċi diġitali tagħha.