Minn dalgħodu fetħet ir-reġistrazzjoni għal dawk li għandhom iżjed minn 16-il sena u jridu jieħdu t-tilqima kontra l-Covid-19.
Wieħed jista’ jirreġistra fuq is-sit www.vaccin.gov.mt, fejn wieħed jiġi mitlub n-numru tal-karta tal-identità tiegħu, id-data tat-twelid u n-numru tal-mobile.
Wieħed jista’ wkoll jirreġistra billi jibgħat SMS bin-numru tal-karta tal-identità tiegħu fuq 99180045 biex jitlaqqam f’Malta jew 99180044 biex jitlaqqam f’Għawdex.
Hawnhekk dawk li se jirreġistraw se jirċievu messaġġ ta’ konferema tar-reġistrazzjoni tagħhom u wara jintbagħat messaġġ ieħor bl-appuntament għal meta u fejn għandu jmur biex jitlaqqam.
B’din ir-reġistrazzjoni, pajjiżna se jkun l-ewwel pajjiż fost l-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea li qed ilaqqam lil kulħadd.
Il-ġimgħa l-oħra, pajjiżna qabeż lill-Iżrael biex issa pajjiżna jinsab fil-quċċata tal-lista ta’ pajjiżi li qed ilaqqmu lill-popolazzjoni tagħhom.
S’issa wkoll terz tal-popolazzjoni tlaqqmet kompletament.
Skont l-aħħar figuri maħruġa mill-awtoritajiet tas-saħħa, sas-Sibt ingħataw 420,815-il doża.
L-ewwel dożi tal-vaċċin kienu tal-Pfizer li waslu l-għada tal-Milied, fejn l-għada s-27 ta’ Diċembru bdew jitlaqqmu l-ewwel persuni, li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa, wara bdew jitlaqqmu l-anzjani u wara bdew neżlin skont il-gruppi tal-età.