Mit-Tnejn filgħodu fetħet ir-reġistrazzjoni għal dawk li għandhom ’il fuq minn tmintax-il sena sabiex jitlaqqmu bid-doża addizzjonali.
Wieħed jista’ japplika għal booster fuq is-sit vaccin.gov.mt u imbagħad wara ftit jiem hu mistenni li tirċievi l-appuntament għat-tilqima.
B’hekk mill-jum tat-Tnejn, l-adulti kollha f’pajjiżna jistgħu jirreġistraw u jieħdu d-doża tal-booster.
Dan se jwassal biex imbagħad mis-sbatax ta’ Jannar, iċ-ċertifikat tal-vaċċin se jindika wkoll jekk wieħed ikunx ħax il-booster.
Minn dakinhar l-istabbilimenti madwar pajjiżna, li jinkludu ristoranti, bars u swali taċ-ċinema se jkunu jistgħu jilqgħu biss persuni li għandhom iċ-ċertifikat tal-vaċċin li juri li ħadu l-booster jew inkella li tlaqqmu biż-żewġ dożi tal-vaċċin f’inqas minn tliet xhur.
Il-Ħadd wara nofsinhar, il-Prim Ministru Robert Abela flimkien ma’ martu Lydia ħadu t-tilqima tal-booster tagħhom.
F’messaġġ fuq Facebook, il-Prim Ministru appella sabiex nieħdu ħsieb xulxin u nieħdu din id-doża tal-booster, li se tgħinna nimxu ’l quddiem.
Intant mill-jum tat-Tnejn ukoll daħlu miżuri ġodda, hekk kif l-avvenimenti jistgħu jsiru biss bin-nies bilqiegħda.
Dan ħlief għal tiġijiet u funerali, li se jibqgħu bl-istess protokolli eżistenti tal-Awtoritajiet tas-Saħħa.
Dan filwaqt li l-istabbilimenti jistgħu jibqgħu miftuħin sas-siegħa ta’ filgħodu.
Il-ħinijiet tal-viżitaturi għall-pazjenti fl-Isptar Mater Dei se jinżlu għal siegħa, bejn il-ħamsa u s-sitta ta’ filgħaxija.
Barra minn hekk, l-isport f’pajjiżna jista’ jibqa’ jitlagħab iżda bil-bibien magħluqa.