Bil-għan li terġa’ tibda titkattar il-popolazzjoni tar-rizzi fil-Gżejjer Maltin, il-gvern vara żewġ inizjattivi konġunti.
Ir-rizza hija ħlejqa tal-baħar bi rwol importanti fl-ekosistema marittima għax tassigura l-għajxien ta’ 18-il speċi ta’ ħut differenti. Fil-fatt, mingħajr rizzi fl-ibħra, jiżdied ir-riskju li jissaħħu speċi aljeni invażivi b’impatt negattiv fuq l-ekosistemi. Iżda tul is-snin, il-popolazzjoni tar-rizzi naqset drastikament tant li qiegħda f’riskju li tiġi estinta mill-ibħra Maltin.
Fl-ewwel inizjattiva, id-Dipartiment tal-Akwakultura għaddej bi proġett ta’ restocking tar-rizzi, fejn qed jiġu ikkultivati u mrobbija r-rizzi sabiex terġa’ tiżdied il-popolazzjoni tagħhom fl-ibħra Maltin.
Fit-tieni inizjattiva, mil-lum jidħol fis-seħħ l-Avviż Legali li jagħti bidu għal moratorium fuq il-ġbir tar-rizzi għal sentejn. Dan ifisser li għal dawn is-sentejn se jkun illegali li wieħed jaqbad ir-rizzi, biex il-popolazzjoni tar-rizzi f’pajjiżna terġa’ tirkupra.
Il-liġi ma tipprojbixxix l-importazzjoni ta’ prodotti ta’ rizzi tal-baħar. Ir-ristoranti u min jimporta r-rizzi jkunu meħtieġa jżommu d-dokumentazzjoni rilevanti biex jippruvaw l-oriġini f’każijiet ta’ spezzjonijiet.
Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża, Miriam Dalli, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said, żaret is-sit fejn għaddejja l-kultivazzjoni tar-rizzi fit-Torri ta’ San Luċjan.
Il-pjan ta’ kultivazzjoni jikkumplimenta l-Pjan Nazzjonali Multiannwali ta’ Malta (2022-2030) għall-Iżvilupp Sostenibbli tal-Akwakultura, li jenfasizza l-importanza tad-diversifikazzjoni fl-akwakultura.
L-istrateġija ta’ implimentazzjoni tinvolvi diversi passi importanti. Ir-rizzi li qegħdin fil-laboratorju se jgħaddu minn proċess sabiex ikun żgurat li jinsabu fl-aħjar saħħa riproduttiva tagħhom. Matul il-proġett kollu, it-tkabbir tagħhom se jkun immonitorjat, u se jiġu studjati fid-dettall in-nutrizzjoni tagħhom kif ukoll it-teħid tad-DNA.
Il-Ministru Miriam Dalli spjegat li l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi kkummissjonat studju fl-ibħra Maltin, fejn ġie determinat li l-ammont ta’ rizzi fl-ibħra Maltin huma f’riskju li jispiċċaw.
“Din il-miżura ta’ konservazzjoni qed issir biex tiggarantixxi li ma jinqerdux għal kollox ir-rizzi f’pajjiżna u biex kif jiġi fi tmiemu dan il-moratorium, ikollna ammont sostenibbli ta’ rizzi fl-ibħra tagħna,” qalet il-Ministru Dalli.
Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said spjegat li, “B’dan il-proċess qed jinġabru rizzi mill-ibħra Maltin għal restocking u wara se jerġgħu jitpoġġew lura fl-ibħra tagħna sabiex niżguraw is-sostenibbiltà u s-sigurtà tal-ikel. Il-laboratorju fit-Torri ta’ San Luċjan ġie attrezzat sabiex ir-rizzi jkollhom it-temperatura u d-dawl apposta sabiex ma jiżdidilhomx il-livell ta’ stress.”
Hija kompliet tispjega li sentejn ilu, id-Dipartiment tal-Akwakultura ra li n-numru ta’ rizzi fl-ibħra Maltin kienu qed jonqsu u b’mod proattiv ħa l-inizjattiva sabiex dan jiġi indirizzat. “B’din l-inizjattiva qed naraw li mhux biss nindirizzaw in-numru ta’ rizzi u l-fatt li dawn qed jonqsu, iżda se tkun qed issir riċerka xjentifika oħra fuq ir-rizzi nfushom sabiex niġbru kemm nistgħu informazzjoni fuq din l-ispeċi,” temmet tgħid is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said.