Il-5 ta’ Ġunju 2020 kien jum tant mistenni għal bosta hekk kif grazzi għall-aħħar rilaxx ta’ miżuri, in-negozji u l-familji ħadu pass ieħor għan-normalità.
Dan il-jum immarka wkoll ġimagħtejn minn mindu l-istabbilimenti kummerċjali fetħu mill-ġdid. Żjara li għamlet it-tmexxija tal-Kamra tal-Kummerċ Maltija tefgħet dawl fuq l-esperjenzi varji tan-negozji. Fi kliem il-Perit David Xuereb, il-President tal-Kamra tal-Kummerċ, l-istabbilimenti kollha wrew serjetà kbira fl-operat mill-ġdid tagħhom u adattaw ħidmiethom skont l-istruzzjonijiet tas-Supretendenza tas-Saħħa Pubblika.
Fost l-oħrajn semma kif, għalkemm issa huwa permessibbli li klijent jipprova l-ħwejjeġ fil-ħanut, xi ħwienet li ma kellhomx ir-riżorsi biex dan isir bl-aktar mod sigur għażlu li xorta ma joffrux din il-faċilità.
“Il-maġġoranza, kif stajtu taraw anke intom illum, is-serjetà rrenjat u nafu wkoll li hawn ħwienet li jekk ma ħassuhomx li huma lesti, ma fetħux, u minflok qd jagħmlu xogħlijiet oħra jew il-preparamenti biex verament ikunu ċari u serji.”
Il-Perit Xuereb semma wkoll kif issa li n-negozji qed jerġgħu jibdew idawru r-rota huwa kruċjali li jibqgħu jħarsu ‘l quddiem. Hawnhekk semma l-baġit multi-miljunarju li mistenni jkun imħabbar mill-Gvern it-Tnejn li ġej, u kif fost il-proposti tal-Kamra, tissemma għajnuna dwar il-kirja tan-negozji.
Issa, qal il-Perit, il-ħidma ta’ kulħadd għandha tiffoka fost l-oħrajn kif f’din in-normalità l-ġdida, il-komunità tan-negozji tkompli miexja ‘l quddiem u ma titlifx dak li kisbet tul l-aħħar snin.
“U ninċentivaw lil min hu bieżel u serju, u min verament irid imexxi l-ekonomija tagħna ‘l quddiem. Illum rajna serjetà, u dawn huma sinjali ta’ negozji li huma reżiljenti, li fil-mument li wieħed għandu bżonn jiġġedded se jiġġedded, u ma jippretendix li mmorru lura għal fejn konna.”