Mil-lum, l-ewwel jum tax-xahar ta’ Lulju pajjiżna se jibda jaċċetta ċ-ċertifikat tal-vaċċin taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea.
Dan iċ-ċertifikat, bħal dak ta’ Malta jinħareġ lil dawk li jkunu tlaqqmu bil-vaċċin għal kontra l-Covid-19 u jkun fuq karta jew inkella b’mod diġitali.
Malta permezz tal-Prim Ministru Robert Abela kienet mill-ewwel pajjiżi Ewropej li appellat sabiex dan iċ-ċertifikat jiddaħħal fis-seħħ.
Kien lura f’Jannar li għadda, ftit wara li waslu l-ewwel dożi tat-tilqim madwar l-Unjoni Ewropea u bdew jitlaqqmu l-ewwel nies, li s-sit awtorevoli Politico rrapporta kif il-Prim Ministru Malti bagħat ittra lill-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen sabiex dan il-mekkaniżmu jiddaħħal fis-seħħ bejn l-istati membri.
F’diversi summits tal-Kunsill Ewropew, il-Prim Ministru saħaq mal-mexxejja Ewropej li dan iċ-ċertifikat kien se jiffaċilita s-safar taċ-ċittadini Maltin u Ewropej madwar l-Ewropa.
Mil-lum ukoll pajjiżna beda jaċċetta ċ-ċertifikat tal-vaċċin tar-Renju Unit.
Dan hekk kif mill-Erbgħa, ir-Renju Unit poġġa lil Malta fuq il-lista l-ħadra tal-ivvjaġġar.