Mil-lum, pajjiżna se jkun qed jippresiedi l-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti għal xahar.
Fil-Presidenza tagħha, Malta għandha numru ta’ prijoritajiet li se twassal mal-mejda tad-deċiżjonijiet ta’ din l-istituzzjoni internazzjonali importanti.
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ, Ian Borg, spjega l-avvenimenti li se jiġru tul dan ix-xahar.
L-ewwel attività se tkun fit-13 ta’ Frar, meta fil-Kunsill tas-Sigurtà se jkun hemm dibattitu dwar tfal li jitrabbew u jgħixu f’kunflitt armat. Dwar dan is-suġġett, il-Ministru Borg qal li fost dawk li se jgħaddu messaġġ dwar dan is-suġġett hemm persuni li kisbu l-ażil f’Malta.
It-tieni attività tal-Presidenza Maltija hija dik tal-14 ta’ Frar, meta se ssir attitività dwar iż-żieda fil-livell tal-baħar kawża tat-tibdil fil-klima. Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Malti qal li għal din l-attività ġew mistiedna Ministri minn stati gżejjer żgħar sabiex jitkellmu dwar x’inhu jiġri u kif flimkien jistgħu jindirizzaw din l-isfida.
Attività oħra se sseħħ fit-23 ta’ Frar, meta se jsir briefing annwali tar-relazzjonijiet bejn in-Nazzjonijiet Uniti u l-Unjoni Ewropea. Preżenti għal din l-attività se jkun hemm ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà, Josep Borrell.
Imbagħad, fl-24 ta’ Frar – għeluq is-sena minn mindu du bdiet l-invażjoni Russa fl-Ukrajna, se jsir dibattitu sabiex il-komunità internazzjonali tiddiskuti fuq kif tista’ tintemm din il-gwerra. Dwar din l-attività, il-Ministru Ian Borg ħabbar li se jkun hemm preżenti membri minn pajjiżi li qed ikunu affettwati b’mod dirett minn din il-gwerra fil-Lvant tal-Ewropa.
L-ewwel u l-unika darba li Malta kienet membru fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti kien bejn l-1983 u l-1984 – madwar 40 sena ilu.