L-ispiżeriji li jkunu skedati li jiftħu l-Ħadd filgħodu, bdew jiftħu wkoll waranofsinhar.
Dan se jiġri anki f’festi pubbliċi, biex il-pubbliku jkollu għażla ta’ spiżeriji madwar il-pajjiż minn fejn jista’ jixtri l-mediċina f’każ ta’ bżonn.
F’kummenti ma’ ONE News, id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa, Chris Fearne spjega li wara xhur ta’ diskussjonijiet, kull nhar ta’ Ħadd u f’festi pubbliċi, diversi spiżeriji madwar il-pajjiż se jiftħu wkoll waranofsinhar, wara li jkunu diġà fetħu bejn id-disgħa ta’ filgħodu u nofsinhar.
Id-Deputat Prim Ministru stqarr, “Mil-lum bdew jiftħu wkoll waranofsinhar bejn l-erbgħa u s-sebgħa ta’ filgħaxija jiġifieri għandna madwar għoxrin spiżerija mqassmin madwar Malta u Għawdex biex il-klijenti li jkollhom bżonn xi mediċini anki l-Ħadd waranofsinhar jistgħu jinqdew. Irrid nirringrazzja lill-ispiżjara u l-ħaddiema ta’ dawn l-ispiżeriji li meta aħna l-Ħadd waranofsinhar, ħafna minna jkunu qed jistrieħu mal-familja tagħna, dawn ikunu qed jagħtu servizz professjonali tant utli fil-komunitajiet madwar Malta u Għawdex.”
Barra waħda mill-ispiżeriji fiż-Żejtun, li kienet fost tal-ewwel li bdiet tagħti s-servizz lill-pubbliku l-Ħadd waranofsinhar, tkellimna ma’ diversi persuni li kienu għadhom kif xtraw il-mediċini.
“Aħjar, ħafna aħjar, jien għandi żewġt itfal. Jinqala’ xi ħaġa, kumdità.”
“Mela, imn’Alla kienu huma għax għandi l-mara ma tiflaħx u nqdejt mill-ewwel.”
“Dak li jkun, ikun jonqsu xi ħaġa, jien għalija sibtha tajba ħafna.”
“Tajjeb hux, għax tinqeda filgħaxija wkoll.”
“Mhux tajjeb dażgur, għalina aħjar għax infittxu u nsibu.”
Dan il-pass li kien ilu mistenni, sar possibbli wara xhur ta’ diskussjonijiet mal-Kamra tal-Intrapriżi Żgħar u Medji u l-Kamra tal-Ispiżjara, li fehmu l-importanza ta’ dan is-servizz għan-nies.
Chris Fearne tenna, “Dan ħa jfisser mhux biss aktar konvenjenza għall-klijenti imma anki dawk il-pazjenti li jkollhom bżonn jibdew xi mediċina l-Ħadd waranofsinhar, issa jkunu jistgħu jagħmlu hekk minflok ikollhom joqogħdu jistennew sat-Tnejn li ovvjament dan ifisser kura aħjar għall-pazjenti tagħna.”