Mill-Ħadd, żdiedu 400 vjaġġ fis-servizz tat-trasport pubbliku. Dan hekk kif żdiedu rotot ġodda u hemm ukoll tibdil sinifikanti fin-network ta’ Tal-Linja.
Dawn il-miżuri huma parti mill-inizjattiva ‘Reshaping Our Mobility’, li tħabbru x-xahar li għadda mill-Ministru għat-Trasport Chris Bonett.
Mill-Ħadd ġew introdotti numru ta’ rotot li jkopru bosta postijiet, fosthom żoni industrijali u postijiet residenzjali li qabel ma kienux jintlaħqu.
Ir-rotot il-ġodda se jkopru aktar iż-żoni industrijali, vjaġġi diretti bejn l-Ajruport u l-Isptar Mater Dei, skejjel bħal Higher Secondary, fost oħrajn.
B’aktar rotot se jibdew kmieni biex il-ħaddiema li jaħdmu f’żoni industrijali jkunu jistgħu jaslu għax-xogħol fil-ħin. Dawn il-vjaġġi se jkopru ’l fuq minn ħamsin lokalità jew żoni f’Malta.
Dwar din iż-żieda fit-trasport pubbliku kkummenta l-General Manager ta’ Malta Public Transport.
“Illum daħlu fis-seħħ sett ta’ rotot ġodda fit-trasport pubbliku, madwar 400 vjaġġ żejda li ħa jkunu qed iżidu effettivament il-kapaċità tat-trasport pubbliku biex kemm jista’ jkun aktar nies jużawh is-servizz. Dawn ir-rotot huma ħafna minnhom diretti, li daħlu permezz ta’ investiment li għamilna ta’ €6 miljun f’25 karozza ġodda daħlu fis-servizz mil-lum. Aħna nħeġġu lin-nies jużaw dawn ir-rotot il-ġodda biex kemm jista’ jkun ikollna aktar modal shift u jkollna aktar nies jużaw servizzi ta’ trasport pubbliku.”