Mill-ewwel ta’ Marzu, kull individwu li jixtri e-kick scooter ġdid għall-użu personali u jirreġistrah ma’ Transport Malta, se jkun eliġibbli għal inċentiv finanzjarju ta’ €150.
Dan tħabbar mill-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi, fl-istess jum li tneħħa u twaqqaf il-kiri tal-e-kick scooters mit-toroq ta’ Malta.
Din l-inizjattiva, maħruġa minn Transport Malta, għandha l-għan li tħeġġeġ l-użu ta’ aktar vetturi b’emissjonijiet żero u tnaqqas l-emissjonijiet mis-settur tat-traffiku f’pajjiżna.
Il-Ministru Chris Bonett, qal li għalkemm il-kiri tal-e-kick scooters ġie mwaqqaf, l-użu tal-e-kick scooters privati se jibqa’ permessibbli u nkoraġġit bħala mezz alternattiv u sostenibbli ta’ trasport.
“Aħna nemmnu f’dan il-mezz ta’ trasport, għax il-problema li kellna ma kinitx l-e-kick scooters, il-problema li kellna kienet kif kienu qed jiġu mmaniġjati dawn l-e-kick scooters u nafu li n-nies jieħdu ħsiebhom. Allura ħriġna din il-grant li tidħol fis-seħħ mil-lum ta’ 150 ewro, li fis-suq ifisser illi għandek kważi jew nofs l-e-kick scooter li huwa entry level. Jiġifieri huwa grant li huwa tajjeb ħafna għax irridu nħeġġu aktar nies u żgħażagħ biex jużaw metodi alternattivi ta’ trasport u fuq kollox metodi ta’ trasport li ma jħammġux. L-importanti li jibżgħu għalihom u ma jkunux ta’ inkonvenjent fit-toroq.”
Huwa tenna li din l-iskema, flimkien ma’ inizjattivi oħra diġà implimentati, tenfasizza l-impenn tal-gvern biex jippromwovi politika favur l-ambjent u jagħmel differenza tanġibbli fil-qasam tat-trasport alternattiv.
L-applikazzjonijiet u aktar informazzjoni dwar l-iskema jistgħu jinkisbu mill-uffiċji ta’ Transport Malta jew online minn fuq il-website ta’ Transport Malta, www.transport.gov.mt.