Mil-lum pajjiżna qed ikompli jnaqqas ir-restrizzjonijiet tal-pandemija, hekk kif kważi tneħħew ir-restrizzjonijiet kollha.
Mil-lum huma obbligati li jagħmlu kwarantina biss dawk li joħorġu pożittivi għall-Covid-19. Dawn iridu jagħmlu test wara sebat ijem u jkunu jistgħu joħorġu jekk jirriżultaw fin-negattiv.
Barra minn hekk, il-kuntatti primarji kollha mhux se jibqa’ jkollhom l-obbligu li jibqgħu fi kwarantina, waqt li dawk li jgħixu fl-istess dar ma’ persuna pożittiva wkoll m’humiex obbligati li joqogħdu kwarantina. Fit-tielet ġurnata wara li joħroġ il-każ pożittiv, iżda, għandhom jagħmlu test sabiex iħarsu saħħithom u ta’ dawk ta’ madwarhom.
Mil-lum ukoll, il-Passenger Locator Form, magħrufa bħala l-PLF, mhux se tibqa’ tiġi mitluba.
Mil-lum ukoll, il-maskri se jibqgħu obbligatorji biss fl-isptarijiet, fil-kliniċi, fid-djar tal-anzjani, u fuq vjaġġi bl-arjuplan.
Din it-triq lejn in-normalità sħiħa wara sentejn ta’ pandemija setgħet issir bis-saħħa tal-programm effettiv ta’ vaċċinazzjoni, li kien fost l-aktar b’saħħtu fl-Ewropa.