Mil-lum waranofsinhar jiftħu n-nomini għall-elezzjonijiet tal-karigi amministrattivi tal-Partit Laburista. Dan bħala parti mill-Konferenza Ġenerali li se ssir f’nofs ix-xahar id-dieħel.
Dawn il-karigi amministrattivi huma dawk ta’ Deputat Mexxej Affarijiet tal-Parlament, Deputat Mexxej Affarijiet tal-Partit, President tal-Partit Laburista, Viċi President, Segretarju Internazzjonali, Segretarju Organizzattiv u tnax-il membru ordinarju tal-Eżekuttiv Nazzjonali.
Il-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Laburista se tibda tilqa’ l-applikazzjonijiet mil-lum, il-Ġimgħa bejn il-5:30 ta’ waranofsinhar u s-7:30 ta’ filgħaxija. In-nomini jintlaqgħu wkoll is-Sibt u l-Ħadd li ġej, bejn id-9:00 u l-11:00 ta’ filgħodu.
Fi stqarrija ftit tal-jiem ilu, il-Kummissjoni Elettorali Laburista spjegat li kull membru regolari fil-ħlas hu eliġibbli li jissottometti applikazzjoni għal kull rwol, ħlief għal dik ta’ Deputat Mexxej għall-Affarjiet tal-Parlament fejn huma eliġibbli biss membri Parlamentari.
Il-Konferenza Ġenerali, li fiha se jsiru l-elezzjonijiet għall-ħatriet fl-amministrazzjoni tal-Partit Laburista se titlaqqa’ bejn it-13 u l-15 ta’ Settembru li ġej.
Fl-ewwel jum tal-Konferenza Ġenerali, jiġifieri fit-13 ta’ Settembru se jsiru l-elezzjonijiet għal dawn il-karigi fl-amministrazzjoni Laburista.
F’każ li għall-karigi ta’ deputati mexxejja jkun hemm aktar minn żewġ kandidati u ħadd ma jġib iżjed minn 50%+1 tal-voti, it-tieni votazzjoni bejn l-aktar tnejn li jkunu ġabu voti ssir fl-14 ta’ Settembru.
Il-votazzjoni bikrija għal min mhux se jkun jista’ jivvota fit-13 ta’ Settembru se ssir is-Sibt 7 ta’ Settembru.
Din il-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista tagħlaq il-Ħadd 15 ta’ Settembru b’diskors mill-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela.