Ħafna mobiles tal-għamla Blackberry antiki mil-lum mhux se jibqgħu jaħdmu.
Dan wara li l-kumpanija llum stess se titfi s-sistema li tforni dawn il-mobiles li għal numru ta’ snin kienu meqjusa popolari daqs l-iphones, li llum ssibhom fi kważi idejn kulħadd.
Fil-fatt, fl-2009 u l-2010 il-mobiles tal-Blackberry kienu jgħoddu madwar 20% tal-ismartphones kollha li kienu jintużaw madwar id-dinja.
Id-deċiżjoni wara t-terminazzjoni ta’ dawn il-mobiles li mal-bidu tal-millenju l-ġdid kienu f’idejn kulħadd speċjalment dawk li xogħlhom jirridkjedi t-tweġib ta’ ħafna emails, wasslet wara li l-popolarità ta’ dan il-mobile naqset sew maż-żmien.
Madankollu x’naqqas għal din il-popolarità?
L-ewwel raġuni hija li numru ta’ pjattaformi mas-snin ma baqgħux konformi mas-sistemi tal-Blackberry b’riżultat li ma ġewx addattati u finalment disponibbli għal dawn il-mudelli. Fost dawn il-pjattaformi hemm WhatsApp, BBC iPlayer, u anke YouTube.
Responsabbli wkoll għan-nuqqas fil-popolarità tal-BlackBerry huma l-introduzzjoni tas-sistemi ios u Android fl-2013, li huma responsabbli għat-tħaddim ta’ ħafna mill-mobiles moderni tal-lum il-ġurnata.
F’dik l-istess sena ħafna stennew li l-kumpanija Blackberry terġa’ tirxoxta l-popolarità tagħha madankollu dan ma kellux ikun hekk kif inbiegħu biss ftit inqas minn sit miljun mobile f’sena. Minn naħa l-oħra l-kumpanija Apple kienet biegħet disa’ miljun iPhone f’disat ijiem biss.
Ħafna jatribwixxu n-nuqqas ta’ popolarità ta’ dan il-mobile mal-fatt li ma addattax mal-medda taż-żmien u injora dak li kienu qed jagħmlu kumpaniji bħal Apple u Samsung fejn bdew jimmanifatturaw mobiles li jaħdmu kollha bit-touch.