Mil-lum se jonqos il-perjodu tal-kwarantina għal min ikun imlaqqam bid-doża tal-booster.
Dan hekk kif mil-lum, dawk il-persuni li jirriżultaw fil-pożittiv għall-Covid-19 u ħadu l-booster se jkunu obbligati jagħmlu kwarantina ta’ għaxart ijiem.
Dan minflok 14-il ġurnata u dejjem jekk fl-aħħar tlett ijiem tal-kwarantina ma jkollhomx sintomi.
Persuni li jkunu f’kuntatt ma’ xi ħadd pożittiv, dawk imsejħa bħala primary contacts u għandhom ċertifikat tal-vaċċin validu, jistgħu jtemmu l-kwarantina sebat ijiem wara l-aħħar kuntatt mal-persuna pożittiva.
Dan wara li jagħmlu rapid test u jirriżulta fin-negattiv.
Mil-lum ukoll, dawk in-nies li jgħixu fl-istess residenza ma’ persuni li kellhom kuntatt dirett ma’ xi ħadd pożittiv, imsejħa bħala secondary contacts, m’għandhomx għalfejn jagħmlu kwarantina ġaladarba jkunu mlaqqma bil-booster.
Mil-jum tat-Tnejn ukoll, iċ-ċentri ta’ tilqim f’pajjiżna se jiżdiedu minn sebgħa għal 24 ċentru madwar Malta u Għawdex.