Mil-lum bdew jitħallsu l-pagamenti taċ-child bonus hekk kif imħabbar fil-baġit għal din is-sena.
Dan il-bonus ġdid se jkopri t-twelid u l-adozzjonijiet li saru mill-ewwel ta’ Jannar sal-lum.
Fl-ewwel proċess kien hemm 345 familja li rċevew tliet mitt ewro għal kull wild.
In-numru ta’ trabi kien ta’ 350, jiġifieri kien hemm ħames familji li kellhom tewmin.
Minn issa ’l quddiem, dawn il-pagamenti se jibdew isiru ta’ kull ġimgħa għal kull wild ġdid li jkun hemm fil-ġimgħa ta’ qabel.
Il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon qal li din hija wegħda oħra mwettqa tal-baġit għal din is-sena, u li l-Gvern qed ikompli jimplimenta miżuri soċjali bżonnjużi anki f’dan iż-żmien ta’ sfida.
Huwa spjega: “Aħna nżommu kelmtna u llum effettivament qed inżommu waħda mill-wegħdi tal-baġit li għadda fejn wegħdna li ħa nagħtu €300 bonus lil dawk il-familji li jkollhom wild jew li jaddottaw. Dik kienet wegħda, dan il-Gvern iżomm il-wegħdiet tiegħu u qed nagħmlu l-pagament dovut u se nibqgħu nagħmluh.”
Temm jappella biex bħalma l-Gvern qed juri li għandu ruħ soċjali, hekk ukoll il-poplu Malti u Għawdxi jkun aktar solidali ma’ xulxin biex noħorġu minn din is-sitwazzjoni kemm jista’ jkun malajr.