Mill-bidu tax-xahar ta’ Ottubru, fl-Italja, il-prezz tal-enerġija għad-djar residenzjali żdied b’disgħa u ħamsin fil-mija.
Dan tħabbar mill-Awtorita Taljana tal-Enerġija, ARERA, hekk kif qal li din iż-żieda hija kawża tal-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajna.
Dan se jwassal biex il-kontijiet tad-dawl se jogħlew għal medja ta’ iżjed minn €1,322 matul perjodu ta’ tnax-il xahar. Is-sena l-oħra, il-kont tad-dawl għal familji Taljani kien jammonta għal medja ta’ €632.
Dan ifisser li l-kont tad-dawl għal familji fl-Italja żdied b’€690.
F’ċifri li ħarġet l-Awtorità Taljana ntqal li dawn iż-żidiet qed jolqtu 41.5% tal-familji Taljani.
Intant, mill-jum tas-Sibt, ukoll żdiedu l-prezzijiet tal-enerġija għal miljuni ta’ familji fir-Renju Unit.
Din iż-żieda fil-kontijiet tad-dawl Brittaniċi waslet wara ż-żieda ta’ 80% fix-xitwa li għaddiet.
Il-kontijiet tal-enerġija fir-Renju Unit se jgħoddu għal medja ta’ £2,500 f’sena. Il-medja tal-kontijiet tad-dawl qabel, kienet ta’ £1,971 fis-sena.
Dan ifisser li f’sena se jkun hemm żieda ta’ £529.
Skont rapporti fil-midja Ingliża qed jingħad ukoll li l-prezzijiet tal-ikel fir-Renju Unit se jkunu d-doppju minn dawk li kienu s-sena li għaddiet.
Dan se jwassal biex eluf ta’ familji f’dan il-pajjiż, matul ix-xitwa li ġejja, se jkollhom jagħżlu jixtrux x’jieklu jew inkella jħallsu d-dawl, sabiex ikollhom biex isaħħnu djarhom.
Dawn il-każijiet mhumiex iżolati biss għall-Italja u r-Renju Unit. Fost għexieren ta’ artikli, rapport fil-Brussels Times spjega li furnar kellu jagħlaq il-bibien tiegħu wara li l-kontijiet tad-dawl żdiedulu b’500%.
Dan hekk kif il-kont tad-dawl għal dan il-ħanut żdied b’€10,000. Fil-fatt, il-kont sploda minn €1,860 għal‘ il fuq minn €11,836.
Din is-sitwazzjoni hija differenti ħafna minn dik f’pajjiżna, minkejja l-isfidi internazzjonali bla preċedent.
Dan hekk kif il-Gvern Malti qed jgħin sabiex il-kontijiet tad-dawl f’pajjiżna jibqgħu stabbli.
Dan qed iwassal biex il-familji Maltin qed jiffrankaw mill-inqas €1,700 fis-sena f’kontijiet tal-elettriku, gass u fjuwils.