Fil-Malta Equidrome tal-Marsa mil-lum infetħet uffiċjalment il-korsa ġdida li tintuża primarjament għat-taħriġ u ħafna mit-tiġrijiet taż-żwiemel tad-dilettanti.
F’parti twila minn dik magħrufa aħjar bħala l-korsa l-antika sar xogħol fuq medda ta’ 1.3 kilometri, li kien ifisser rikostruzzjoni mill-ġdid tal-korsa b’livelli ġodda, culverts adegwati u diversi saffi ta’ ramel differenti, flimkien ma’ fence tal-ħadid li joffri aktar protezzjoni u sigurtà.
ONE News informat li dan hu proċess kontinwu u, appena l-art tal-korsa toqgħod u tkompli tixxarrab, se jitkompla aktar xogħol. Fil-viċin se tiġi fformata l-korsa bil-marki fl-intervalli b’distanzi differenti, flimkien ma’ stand żgħir għall-ispettaturi.
Din il-korsa toffri spazju alternattiv għat-taħriġ tal-bhejjem biex jipprattikaw aħjar dan l-isport, bi flessibbiltà akbar u mhux jiddependu biss mill-korsa prinċipali, li wkoll tkun tista’ tiġi aktar priservata għat-tiġrijiet segwiti minn eluf f’pajjiżna.
Għaddejjin diskussjonijiet kontinwi bejn l-operatur, l-awtorità EquestriMalta u l-Malta Racing Club favur miżuri ġodda fl-aħjar tal-isportivi konċernati.
Minn tagħrif li għandu ONE News, jirriżulta li l-korsa prinċipali wkoll tinsab fi stat tajjeb ħafna ukoll, anke wara x-xita qliel tal-aħħar tliet ġimgħat, b’dilettanti jqisu li dan hu fost l-aqwa ramel li qatt raw fiha.
Ftit tal-ġranet ilu wkoll ħareġ mill-Awtorità tal-Ippjanar wieħed mill-permessi relatati li jippermetti li din is-sena jinbeda x-xogħol fil-korsa prinċipali u faċilitajiet oħra.