Mil-lum jibda jinqata’ l-għeneb sabiex jibda l-proċess tat-tasir.
Din is-sena l-istaġun infetaħ għaxart ijiem tard minħabba li ix-xahar ta’ Marzu kien kemmxejn aktar kiesaħ, iżda minkejja dan mhux ħa jafettwa l-kwalitá tal-inbid Malti.
Is-Segretariu Parlamentari għall-Biedja, Clint Camillieri, waqt konferenza stampa fil-fabbrika tal-inbid tal-Gvern fil-Buskett semma li f’Malta għandna madwar 4,000 tomna ta’ art ikkultivata bid-dwieli b’diversi tipi ta’ għeneb, fosthom ix-Chardonnay u l-Merlot li huma fost l-aktar popolari.
Huwa semma wkoll kif il-kampanja li kien nieda l-Gvern b’rabta mal-inbejjed Maltin qed tħalli l-frott, tant li d-domanda qed tkun akbar mill-provvista tal-inbid.
F’Malta hawn 12-il produttur tal-inbid u 800 bidwi li jkabbru d-dwieli. Fl-istaġun tas-sena l-oħra inqatgħu madwar 2.3 miljun kilogramma ta’ għeneb u li pproduċew ma’ 2.2 miljun flixkun inbid.