Mill-Erbgħa filgħaxija infetaħ dipartiment tal-emerġenza ġdid fl-Isptar Mater Dei. Dan ħabbru id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne waqt il-programm Dissett fejn spjega li din l-emerġenza l-ġdida se tkun qed tintuża għall-każijiet li m’għandhomx sintomi tal-Coronavirus. Fl-istess waqt l-emerġenza l-antika se tibda tintuża biss għall-pazjenti li huma suspettati li jista’ jkollhom il-Coronavirus.
Din l-Emerġenza l-ġdida tinsab fuq in-naħa ta’ wara tal-Isptar Mater Dei fl-entratura minn naħa tal-kampus tal-Universitá. Fearne spjega li dan il-pass sar bil-għan li pazjenti ma jitħalltux waqt li jkunu qed jistennew sabiex jirċievu kura u bħala miżura addizzjonali ta’ serħan il-moħħ għal dawk li jkollhom bżonn jidħlu l-emerġenza u ma jkollhomx sintomi tal-COVID-19
Din mhux l-unika miżura li ttieħdet f’każ ta’ influss ta’ pazjenti f’Mater Dei. Fakkar kif l-ITU ġie estiż kif ukoll tlestew numru ta’ swali ġodda li jistgħu jilqgħu fihom aktar pazjenti. Meta kien mistoqsi dwar il-professjonisti tas-saħħa d-Deputat Prim Ministru spjega li l-impjegati kollha se jkunu qed jiġu utilizzati bl-aħjar mod possibbli. Spjega wkoll li l-Gvern qed iħejji dormitorji għall-impjegati li jkunu jixtiequ jibqgħu l-isptar u biex ma jmorrux id-dar wara l-ħin tax-xogħol.
Fearne xejjen ukoll allegazzjonijiet fil-midja li f’pajjiżna m’hawnx biżżejjed ilbies protettiv għall-impjegati tas-saħħa. Huwa faħħar ukoll l-impenn tad-dipartiment li ħaseb għal eluf ta’ settijiet ta’ lbies sa mill-bidu tat-tifqigħa tal-Coronavirus fiċ-Ċina.
Dwar it-testijiet li qed isiru għall-Coronavirus, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa spjega wkoll li mil-Ħamis filgħodu se jkun hemm laboratorju f’Mater Dei li se jkun qed jaħdem biss fuq il-Coronavirus.
Spjega li fl-ewwel stadju pajjiżna għandu ftit każijiet kien ġie deċiż li jibqgħu jinżammu fl-Isptar Mater Dei madankollu issa pazjenti bi ftit sintomi li ma jkollhomx bżonn kura l-isptar se jibqgħu jinżammu d-dar tagħhom taħt kwarantina stretta u jibdew jiġu invistati mit-tobba tad-Dipartiment tas-Saħħa fid-dar stess.