Mit-Tlieta, dawk li jbatu mil-kundizzjoni tal-Fibromajalġja se jgawdu minn mediċina oħra b’xejn, dik tal-Pregabalin.
Sa ftit xhur ilu kien hemm żewġ mediċini li jingħataw bla ħlas lill-pazjenti li jsofru minn din il-kundizzjoni. Madankollu, issa għandhom disponibbli wkoll din il-mediċina.
Dan ħabbru d-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne, fuq il-profili uffiċjali tiegħu fuq il-midja soċjali t-Tlieta waranofsinhar.
Kif wegħdna xahar ilu, mil-lum mediċina oħra għall-#fibromyalgia – pregabalin – bdiet tingħata mingħajr ħlas #MaltaFlimkien pic.twitter.com/6a1Cce2IVt
— Chris Fearne (@chrisfearne) April 26, 2022
Il-mediċina Pregabalin bdiet tingħata b’xejn wara li, fil-kampanja elettorali tal-elezzjoni li għaddiet u fil-manifest tal-Partit Laburista tħabbar li din il-mediċina, flimkien ma’ oħrajn, kienu se jiżdiedu mal-formolarju tal-mediċina li tingħata b’xejn mill-Gvern.
Fearne qal, “Waħda mill-mediċini li għidna li ħa ndaħħlu proprju f’April hija mediċina ġdida, Pregabalin, li ħa tkun mingħajr ħlas għal dawk il-pazjenti li għandhom il-Fibromajalġja. Fil-fatt, mil-lum stess il-Pregabalin tista’ tkun aċċessibli għal dawn il-pazjenti tal-Fibromajalġja. Min diġà għandu l-kartuna s-safra bil-Fibromajalġja jista’ jeħodha mingħand kwalunkwe konsulent fis-sistema tas-Saħħa tagħna. Dawk li għad m’għandhomx id-dijanjosi tibqa’ l-istess proċedura, jiġifieri jarawhom it-tobba li jispeċjalizzaw fil-Fibromajalġja u jekk ikollhom bżonn jagħtuhom dil-mediċina wkoll.”
Il-Fibromajalġja hija kundizzjoni li tikkaġuna uġigħ fil-muskoli flimkien ma’ għejja, nuqqas ta’ rqad, u anke bidla fil-burdata. Chris Fearne spjega kemm hu importanti li l-pazjenti jingħataw din il-mediċina b’xejn sabiex ikomplu jgħixu ħajjithom b’mod normali.
Huwa saħaq, “Il-Fibromajalġja hija kundizzjoni li sa ftit tas-snin ilu lanqas biss kienet tintgħaraf bħala marda. Nafu li hawn ħafna pazjenti jbatu minnha. Hawn spectrum sħiħ: hawn min ikollu ftit dwejjaq biss u hawn min litteralment ma jkun jista’ jagħmel assolutament xejn. Din hija mediċina oħra li aħna qegħdin noffru issa mingħar ħlas biex inkomplu ngħinu lil dawn it-tip ta’ pazjenti.”
Intant, ma’ One News, Chris Fearne ħabbar ukoll li fix-xhur li ġejjin se jkun qed jinfetaħ Ċentru tas-Saħħa kbir f’Raħal Ġdid. Dan se jkompli jsaħħaħ l-aċċessibiltà għall-qasam tas-saħħa fin-naħa t’isfel ta’ Malta.
Il-Ministru Fearne rrimarka wkoll li din hija t-tieni miżura tal-manifest elettorali tal-Partit Laburista b’rabta mal-qasam tas-saħħa li qed tiġi implimentata. Ftit tal-jiem ilu ġiet estiża s-sistema ta’ moniteraġġ tal-livell taz-zokkor fid-demm għal dawk li għandhom sa wieħed u għoxrin sena.
Hawn spjega, “Naturalment, hemm ħafna xi jsir għalhekk il-programm huwa għal ħames snin. Issa, fix-xhur li ġejjin, ħa jkun qiegħed jitlesta x-xogħol fuq iċ-Ċentru tas-Saħħa kbir ta’ Raħal Ġdid, biex b’hekk inkunu qed nagħmlu qabża ’l quddiem fil-qasam tas-Saħħa fin-naħa ta’ isfel ta’ Malta.”