Mil-lum, il-familji Maltin u Għawdxin se jibdew igawdu minn żieda ta’ erbat ijiem fil-Leave Urġenti tal-Familja, minn 15-il siegħa li hemm qabel.
Din hi miżura oħra fil-manifest elettorali ‘Malta Flimkien’ u saħansitra taqbeż dak li kien imwiegħed mill-Partit Laburista.
Il-ħaddiema jistgħu jużaw dan il-leave urġenti meta jkollhom bżonn jieħdu ħsieb qarib fil-familja, fosthom meta ġenituri jkollhom it-tfal ma jifilħux, biex jassistu lill-ġenituri tagħhom mhux biss f’każ ta’ mard, imma wkoll meta jkollhom bżonn għajnuna urġenti għax jinqalagħlhom xi ħaġa fir-residenza tagħhom.
Dan il-leave se jgawdu minnu wkoll dawk li għandhom kustodja legali ta’ minuri, kif ukoll bejn l-aħwa f’każ dejjem ta’ urġenza.
F’dawn il-każi jrid jiġi informat min iħaddem, li min-naħa tiegħu għandu dritt jitlob għal ċerti verifiki, biex b’hekk ikun ikkontrollat l-abbuż.
F’konferenza tal-aħbarijiet mis-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul, meta tħabbret din il-miżura, kien ġie spjegat li din saret possibli wara diskussjonijiet mal-imsieħba soċjali, mat-trade unions u mar-rappreżentanti ta’ min iħaddem quddiem il-Bord tar-Relazzjonijiet tal-Impjieg.