B’investiment ta’ miljun ewro, ħidmet il-Korp tal-Pulizija ssaħħet filwaqt li se ssir aktar trasparenti, dan permezz ta’ sistema ta’ cameras li jintlibsu fuq is-sider magħrufa bħala bodycams.
Dan tħabbar waqt konferenza stampa ndirizzata mill-Ministru għall-Intern Byron Camilleri u l-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà.
Il-Kummissarju Gafà nnota kif il-filmati se jipprovdu għodda tajba għal taħriġ tal-uffiċjali hekk kif se juru r-realtà li l-pulizija jaffaċċjaw ta’ kuljum.
Dan filwaqt li l-filmati jistgħu jintużaw ukoll bħala evidenza meta l-pulizija tkun qed tipproċedi bil-każijiet fil-Qorti.
Spjega, “Dan kollu flimkien aħna qed ngħidu li ħa nkunu aktar effettivi għaliex għandna evidenza aħjar, però aktar effettivi għax ħa nkunu żgur qed inkabbru l-fiduċja tal-pubbliku, u allura pubbliku aktar magħna flimkien verament pajjiżna jista’ jkun aktar sigur.”
Il-pulizija se tipproteġi d-data tal-persuni, fosthom li d-data titħassar wara 90 jum sakemm din ma tkunx se tintuża bħala evidenza.
Intqal li l-ebda pulizija m’għandu aċċess għall-filmati li se jkunu miżmuma f’servers apposta.
Il-Kummissarju Gafà spjega illi jkun hemm każijiet fejn il-bodycam tintefa’.
Qal, “Jekk inti għaddej bi strip search dak huwa mument fejn il-membri tal-Korp għandhom indikazzjoni fejn dik il-bodycam ma tinxtegħelx. Jista’ jkollok ukoll vittmi ta’ reati li huma ta’ natura sensittiva u l-vittma tinformana li tixtieq li ma tkunx irrekordjata.”
Il-Ministru Byron Camilleri spjega kif il-bodycams se jservu bħala għodda biex il-pulizija tiġġieled il-kriminalità filwaqt li toffri servizz aħjar liċ-ċittadin.
Qal, “Permezz ta’ dan l-investiment, il-Korp tal-Pulizija se jkun Korp li jkun aktar trasparenti, illi jkun aktar kontabbli, illi wkoll jagħti servizz aħjar liċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.”