Mill-Ħamis, daħal fis-seħħ avviż legali li bih il-Gvern naqqas it-taxxa fuq il-fjuwils biex ma jiżdidux il-prezzijiet tal-petrol u d-diesel mill-pompi.
Dan fid-dawl ta’ żieda fil-prezzijiet internazzjonali taż-żejt.
Lejlet li dan l-avviż legali daħal fis-seħħ, fil-Parlament, il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana ħabbar dan waqt id-diskussjoni tal-estimi finanzjarji tal-Ministeru li jmexxi.
Qal li l-iffrankar tat-taxxa fuq il-familji Maltin u Għawdxin se jiswa lill-Gvern żewġ miljun u nofs ewro fix-xahar.
Il-Ministru Caruana stqarr: “Sur President, din il-miżura qed tiswa lill-Gvern f’nuqqas ta’ dħul madwar tnejn punt ħames miljun ewro fix-xahar. U qegħdin naraw li minn tal-inqas inkomplu għaddejjin b’dan il-mod sas-sena d-dieħla, sal-aħħar tas-sena d-dieħla.”
Il-Ministru Caruana spjega kif din il-miżura qed tgħin fl-irkupru tal-pajjiż għaliex b’hekk mhux jingħataw xokkijiet fl-attività ekonomika bħal f’pajjiżi oħra, fejn l-prezzijiet tal-fjuwil għolew b’medja ta’ aktar minn għoxrin fil-mija.
Huwa spjega li sabiex dan seta’ jseħħ il-Gvern raħħas ir-rata ta’ dazju fuq il-fjuwil għal minimu possibbli mill-Kummissjoni Ewropea.
Barra minn hekk, fid-diskors tiegħu fil-Parlament, il-Ministru għall-Finanzi mess ma’ diversi temi fosthom l-importanza li kulħadd iħallas it-taxxa dovuta.
Rigward il-linja nazzjonali tal-ajru l-Air Malta, innota kif bħalissa jinsabu fi tmiemhom id-diskussjonijiet mal-Kummissjoni Ewropea għall-għajnuna mill-istat, dan bil-għan li l-ħaddiema ma jbatux.
Huwa reġa’ rrimarka l-impenn tal-Gvern li jkompli jaħdem sabiex pajjiżna joħroġ mill-proċedura t’aktar moniteraġġ tal-FATF, biex b’hekk ikun ta’ spalla għas-settur finanzjarju.
Għas-snin li ġejjin huwa bassar li d-defiċit se jonqos, f’kuntest ta’ rkupru mill-pandemija.
Clyde Caruana saħaq li Malta qed tiflaħ għal żieda kkontrollata fid-dejn biex issostni miżuri intiżi li jgħinu lin-negozji u l-ħaddiema.
Hawnhekk innota r-responsabilità tal-Gvern li meta ħabbar miżuri, dejjem qal kemm jiswew u kollox kien ikkalkulat sal-inqas dettal.
Lejn tmiem l-indirizz tiegħu semma ċ-ċensiment tal-ħiliet tal-ħaddiema li se jibda fl-ewwel kwart tas-sena li ġejja.
Qal li dan se jkun importanti għax jagħti stampa tas-settur tax-xogħol u biha nimxu għat-triq ’il quddiem biex intejbu fejn hu meħtieġ u l-ħaddiema Maltin u Għawdxin ikomplu jkollhom xogħol bi dħul tajjeb għall-familji tagħhom.