Mil-lum se jerġu jibdew isiru l-funerali, b’mod differenti sabiex titħares is-saħħa ta’ dawk li jattendu u jkunu jistgħu jagħtu l-aħħar tislima b’mod xieraq. Dawn se jibdew isiru wara laqgħa li saret bejn l-Isqfijiet u l-Awtoritajiet tas-Saħħa, fejn qablu dwar dawn id-direttivi msemmija hawn taħt.
Il-quddiesa tal-funeral tista’ ssir f’post miftuħ bħal f’ċimiterju jew fuq iz-zuntier tal-knisja jew inkella fi knejjes kbar. Il-funerali jistgħu jsiru fi knejjes akbar minn 500 metru kwadru filwaqt li n-numru ta’ persuni li jistgħu jidħlu fil-knejjes huwa ta’ 20 persuna.
Il-post fejn ser issir il-quddiesa tal-funeral ser jitħejja b’sinjali apposta li jindikaw l-ispazji ‘l bogħod minn xulxin fejn in-nies jistgħu joqogħdu waqt iċ-ċelebrazzjoni liturġika. Mal-wasla, persuna liebsa maskra jew visor ser tieħu t-temperatura bl-użu ta’ termometri li ma jeħtiġux kuntatt mal-persuna, u wara tindikalhom l-użu tal-hand sanitizer li ser ikun disponibbli. Persuni li jinstab li jkollhom id-deni mhux se jitħallew jidħlu għall-quddies.
Fl-istqarrija, il-Kurja qalet li waqt il-quddiesa fl-ebda ħin m’għandu jkun hemm kuntatt fiżiku ma’ persuni oħra, lanqas waqt l-għoti tal-paċi. Waqt it-Tqarbin, il-persuni għandhom jibqgħu f’posthom u s-saċerdot li jmur iqarben fl-idejn lil dawk preżenti b’maskra jew vizor u wara li jkun ħasel idejh bis-sanitizer. L-istqarrija ta’ fidi fejn is-saċerdot jgħid “Il-Ġisem ta’ Kristu” u l-persuna li qed titqarben twieġeb “Ammen” tingħad darba biss minn fuq l-artal.
Fi tmiem il-quddiesa, dawk preżenti għall-funeral iridu joħorġu b’mod ordnat u b’ħarsien tal-miżuri ta’ distanza soċjali. Wara l-quddiesa ssir id-diżinfestazzjoni tal-bankijiet jew tas-siġġijiet.
Wieħed jista’ jżur il-website tal-Kurja knisja.mt sabiex jara d-direttivi kollha.