Dawk il-persuni morda bil-coronavirus u li suppost ikunu fi djarhom iżda ma jinstabux, jeħlu multa ta’ €10,000 kuljum.
Dan wara avviż legali li daħal b’effett mill-jum tat-Tlieta hekk kif komplew l-ispezzjonijiet madwar il-pajjiż.
Il-Ministru Camilleri sostna: “Allura l-ewwel pass kien illi ngħollu il-multa minn €1,000 għal €3,000 fejn jidħol l-obbligu ta’ kwarantina u issa permezz t’avviż legali ieħor fejn persuna tkun taf li hija marida bil-marda u toħroġ xorta minkejja li jkun avżat. Din il-multa issa tkun €10,000.”
Fl-aħħar erbgħa u għoxrin siegħa tliet persuni ġew immultat wara li nqabdu jiksru l-liġi.
Fl-aħħar sigħat saru total ta’ 282 spezzjoni f’Malta u 15-il spezzjoni f’Għawdex.
Intant il-Ministru għall-Intern kompla jispjega li fl-ewwel 10 t’ijiem saru ‘l fuq minn 2,500 spezzjoni mill-uffiċjali tal-Pulizija, Direttorat tas-Saħħa Ambjentali u membri tal-Protezzjoni Ċivili.
Kompla jispjega li fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, il-persuni fi kwarantina obdew mar-regoli imposti fuqhom mill-Awtoritajiet madankollu kien hemm ftit individwi li webbsu rashom u kisru dawn l-istess regoli.
Kien minħabba f’hekk li l-Gvern ħarrax il-pieni għal min ma jobdix il-kwarantina u għal dawk l-istabbilimenti kollha li baqgħu jiftħu u marru kontra l-avviż legali ppubblikat fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet.