Mil-lum dawk imlaqqma bid-doża bil-booster u ma jkunux f’ġemgħa, m’għandhomx għalfejn jilbsu l-maskra.
Mil-jum tat-Tnejn qed titneħħa r-restrizzjoni tad-distanza bejn l-imwejjed fl-istabbilimenti.
Dan hekk kif sabiex wieħed jidħol f’ristorant, bar, każin jew gym wieħed irid jippreżenta ċertifikat tal-vaċċin validu.
Se jkun hemm xi eċċezzjonijiet.
Fosthom dawk li ttestjaw fil-pożittiv għall-Covid-19 dan l-aħħar u b’hekk ma jistgħux jieħdu l-booster għalissa.
Ma’ dawn hemm nisa li jkunu fl-ewwel tliet xhur tat-tqala tagħhom, żgħażagħ ta’ taħt it-18-il sena għaliex dawn għad m’hemm l-ebda tilqima tal-booster għalihom, waqt li tfal ta’ taħt it-12-il sena m’għandhomx bżonn juru xi forma ta’ ċertifikat.
Mil-lum ukoll, l-avvenimenti sportivi se jkomplu bl-ispettaturi u dawn jistgħu jidħlu b’ċertifikat tal-vaċċin.
Waqt li mill-jum tat-Tnejn f’numru ta’ postijiet wieħed jista’ jmur jitlaqqam mingħajr appuntament.
Wieħed jista’ jaqbad u jmur jieħu d-doża tal-vaċċin minn dawn il-postijiet: l-MCAST f’Għajn Dwieli, il-Barracks tal-AFM f’Ħal Luqa, iċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Raħal Ġdid u anke fil-Bereġ ta’ Tas-Sliema, Kerċem, Mellieħa, Naxxar u Santa Venera.
Dawn il-postijiet se jkunu miftuħin kuljum mid-9am.
Dan filwaqt li minn għada se tibda ddur klinika mobbli madwar il-pajjiż, fejn wieħed ukoll jista’ jaqbad u jmur jieħu d-doża tal-booster.
It-Tlieta se tkun fil-Pjazza taż-Żejtun, waqt li l-Ħamis se tkun fil-Pjazza ta’ Raħal Ġdid.