Mil-lum tneħħew il-listi l-ħomor u ħomor skuri tal-pajjiżi għall-ivjaġġar.
Dan ifisser li tneħħa l-bżonn tal-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar mis-Supretendent għas-Saħħa Pubblika għal vjaġġar minn u lejn pajjiżi li sa issa kienu qegħdin fuq il-lista l-ħamra skura.
Għalhekk, mil-lum, biex persuna tidħol Malta jrid ikollha, jew ċertifikat tal-vaċċin rikonoxxut mis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, ċertifikat ta’ rkupru rikonoxxut mill-awtoritajiet Maltin, jew inkella riżultat ta’ test PCR negattiv li ma jkunx ittieħed iżjed minn tnejn u sebgħin siegħa qabel il-wasla f’pajjiżna jew erbgħa u għoxrin siegħa fil-każ ta’ rapid test.
Jekk persuna tonqos milli tippreżenta xi wieħed minn dawn id-dokumenti, ikollha tagħmel kwarantina mandatorja ta’ għaxart ijiem, li tonqos għal sebat ijiem jekk isir test li jirriżulta fin-negattiv.
Tfal ta’ taħt is-sitt snin m’għandhom għalfejn jippreżentaw l-ebda dokument.
It-tneħħija tal-listi tal-pajjiżi qed issir wara li l-ġimgħa l-oħra, tneħħa wkoll il-bżonn li persuna tippreżenta l-formola magħrufa bħala Passenger Locator Form meta tivjaġġa lejn pajjiżna.