Hekk kif kien imħabbar fil-baġit tas-sena l-oħra, mil-lum l-1 t’ Ottubru it-trasport pubbliku huwa b’ xejn għal kulħadd. Minkejja li faxxex differenti fis-soċjeta’ fosthom l-anzjani u l-istudenti, kienu diġa’ bbenefikaw minn dan is-servizz b’xejn, issa dan ġie estiż għal kulħadd.
Ġewwa l-Belt Valletta, ONE News tkellem ma’ bosta li se jkunu qed jibbenefikaw minn din il-miżura.
“Speċjalment għalina l-anzjani, tajba wkoll.”
“Aħna pensjonanti, jien ngħix waħdi, għamilha tajba għal kulħadd.”
“Kien jispiċċali l-flus, fl-aħħar tax-xahar kien ikolli nittopjah xorta. Ġifieri hekk mingħajr ma rrid, xejn xejn inżomm xi ħaġa għalija wkoll.”
“Tajjeb, inkunu nistgħu nivjaġġaw aktar”.
Kien hemm ukoll min qal li Tal-Linja hija komda anke minħabba l-iskariġġ biex wieħed isib parkeġġ. Oħrajn qalulna li dan hu l-mod prinċipali tal-ivjaġġar tagħħhom.
“Jien nużaha, jien m’għandix karozza u nużaha ħafna.”
“Problema tas-Sliema, anke l-parking, almenu b’Tal-Linja waqaft u bdejt.”
“Jiena togħġobni, biex nużaha, ġifieri nsibha komda.”
Tkellimna wkoll ma’ xi żgħażagħ u pensjonanti li wkoll faħħru din il-miżura. Barra minn hekk, oħrajn innutaw kemm din is-sistema se tiffranka flus minn bwiet il-poplu.
“Aħjar hux għax dak li jkun jiffranka.”
“Ma noħroġx flus mill-but u nirkeb kemm irrid.”
“Tiggawdanja. Nirringrazzjawh anzi.”
Sabiex wieħed jibbenfika minn din il-miżura, xorta waħda meħtieġ li jkollu Tal-Linja card. Din se tkopri r-rotot tal-ġurnata, ir-rotot ta’ matul il-lejl u servizzi speċjali.
Intant fi stqarrija b’rabta ma’ dan
it-tragward importanti, il-Partit Laburista qal li wettaq wegħda elettorali oħra.
Wiegħda li saret għall-ewwel darba fil-budget għal din is-sena u li kienet ikkonfermata bil-mandat elettorali li l-poplu ta f’Marzu li għadda.
Il-Partit Laburista sostna kif din il-miżura kbira qed tingħaqad ma’ dawk li fl-aħħar snin diġa’ raw studenti, persuni b’diżabbiltà u anzjani jużaw it-trasport pubbliku b’xejn.
Temm jgħid kif fuq kollox din hi miżura li mhux biss għandha l-għan li tippromwovi l-użu ta’ t-trasport alternattiv, iżda wkoll li twieżen lil dawk li jużaw dan is-servizz. Hekk kif mijiet ta’ ewro se jibqgħu fi bwiet il-familji kull sena.