Matul il-ġimgħa u nofs li jmiss erba’ mija u erbgħin elf persuna ser ikunu qed jirċievu l-vouchers tal-mitt ewro f’posta reġistrata mqassma mill-Maltapost.
Dan hekk kif mil-jum tal-Erbgħa bdew jitqassmu l-vouchers.
Il-vouchers maqsumin f’ħames biċċiet; erba’ minnhom ta’ €20 ‘l wieħed ser ikollhom lewn aħmar u dawn jistgħu jintefqu f’ postijiet ta’ akkomodazzjoni bħal ristoranti u lukandi kif ukoll skejjel tal-għadis.
Dan filwaqt li voucher ieħor ukoll bil-valur ta’ għoxrin ewro ser ikollu lewn blu u dan jista’ jintuża f’dawk il-ħwienet li ngħalqu minħabba l-pandemija fosthom tal-ħwejjeġ u tax-xagħar.
Il-vouchers iridu jintefqu sat-aħħar ta’ Settembru u jiġu attivati biss 24 siegħa wara li tirċievih bil-posta.
Huwa importanti li l-pubbliku jieħu ħsieb dawn il-vouchers daqslikieku kien flus kontanti hekk kif vouchers ma jistgħux jerġgħu jinħarġu.
Jekk persuna tinzerta ma tkunx id-dar meta l-vouchers jitqassmu, il-pustier ser ikun qed iħalli nota u l-pubbliku ser ikun jista’ jiġbor dawn il-vouchers mill-eqreb fergħa postali permezz tal-karta tal-identità għat-tnax – il ġurnata sussegwenti. Jekk dan ma jsirx, il-Maltapost ser tkun qed tibgħat nota oħra.
Il-vouchers ser jitħaddmu permezz ta’ sistema msejsa fuq il-blockchain u permezz ta’ din is-sistema trasparenti ser jonqsu drastikament dubji ta’ tbagħbis hekk kif il-vouchers huma marbuta mal-karta tal-identità ta’ kull individwu eliġibbli.
Minkejja dan, il-Gvern ma jistax jintraċċa fejn il-pubbliku ser jonfoq dawn il-vouchers bħala miżura ta’ privatezza.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet kien spjegat li kull voucher jista’ jintuża darba biss u kull negozju għandu d-dmir li jirreġistra kull voucher minħabba raġunijiet ta’ awditjar.
Il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri saħaq li din l-inizzjattiva ser tkun qed tinjetta erbgħa u erbgħin miljun ewro fl-ekonomija Maltija tul dawn it-tliet xhur li ġejjin.
Il-Ministru Schembri stqarr: “L-iskop tagħna huwa li kemm jista’ jkun mill-ġid li jinħoloq tal-pajjiż igawdu kemm jista’ jkun nies u din hija miżura li apparti li ħa jgawdu l-familji ta’ mitt ewro tista’ tgħid għal kull persuna ‘l fuq minn sittax –il sena, dik imbagħad ħa terġa’ ddur fl-ekonomija tagħna u allura dak huwa parti mill-mod ta’ kif ħa nkunu qed nistimulaw id-domanda domestika.”