Bdew jitqassmu ċekkijiet b’għotja ta’ mija u ħamsin ewro lil ħamsa u għoxrin elf persuna li jaħdmu f’postijiet b’ħinijiet tax-xogħol atipiċi.
Dan ifisser li dawk il-ħaddiema li jaħdmu f’xogħlijiet li m’għandhomx ħinijiet normali fis-setturi tal-akkomodazzjoni u l-ikel, tas-servizzi amministrattivi, tal-manifattura, tat-trasport, u tal-bejgħ bl-ingrossa jew l-imnut se jkun eleġibbli għal din l-għotja.
Wieħed għandu jkun għamel mill-inqas sitt xhur jaħdem f’dan il-post tax-xogħol matul l-2021 fuq bażi full-time jew inkella jekk jaħdem fuq bażi part-time bħala x-xogħol ewlieni tiegħu.
Din l-għotja se tkun qed tingħata lil dawk li l-paga bażika tagħhom, jiġifieri mingħajr bonuses jew sahra, ma tkun taqbeż l-għoxrin elf ewro fis-sena.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol, Clyde Caruana, li stqarr li din il-miżura se tkun qed tinvesti erba’ miljuni oħra fil-ħaddiema u mistennija li tibda tingħata kull sena.
Huwa qal ukoll li din il-miżura nibtet mill-Politika Nazzjonali għas-Suq tax-Xogħol u hija ntiża biex tinċentiva lil dawk il-ħaddiema li jaħdmu f’dawn l-oqsma li jirrikjedu sagrifiċċju differenti minn postijiet tax-xogħol oħra.
Fil-fatt, din l-għotja se tkun qed twettaq miżura tal-Budget 2022 u ttenniet fil-Budget għas-sena d-dieħla.
Il-Ministru Clyde Caruana qal li sal-aħħar tal-ġimgħa d-dieħla mistennija li jkunu tqassmu ċ-ċekkijiet kollha.
Madanakollu, dawk li ma jkunux irċivew l-għotja iżda jaħsbu li huma intitolati għaliha għandhom iċemplu fuq 153 biex tiġi identifikata l-problema, b’mod speċjali f’każijiet meta l-FS3 ma tkunx imtliet kif suppost minn min iħaddem.
F’każ li jkun hemm minn dawn il-każijet li jiġu solvuti, l-għotja mistennija li ssir ma’ lott ieħor li se jitqassam f’Marzu tas-sena d-dieħla.
F’kumment li ta lil dan l-istazzjon, il-Ministru Caruana innota li din il-miżura ssegwi l-mekkaniżmu addizzjonali tal-COLA, li wkoll wera biċ-ċar l-impenn ta’ dan il-Gvern li jinċentiva l-bżulija.
Qal, “Dan juri l-impenn ta’ dan il-Gvern kif, fi żmien inqas minn ħmistax, se nkunu qassamna mat-tmintax-il miljun ewro lil madwar mitt elf ruħ u, proprju, allura dan jixhed li dan il-Gvern ma jgħinx biss – kif jgħid ħaddieħor – fi żmien l-elezzjoni imma anki issa li wasal il-Milied, ukoll qed ngħinu lill-familji Maltin u Għawdxin.”
Il-Ministru Caruana spjega li din il-miżura tagħmel parti minn aktar minn ħamsin miljun ewro li ngħataw lill-ħaddiema matul din is-sena biss.
Dawn ingħataw fil-forma ta’ traħħis mit-taxxa għas-sahra, li ammontat għal sitt miljuni, u dik għall-part-time, li ammontat għal ħames miljuni.
Iċ-ċekk tar-rifużjoni tat-taxxa, li ammonta għal sitta u għoxrin miljun ewro, l-in-work benefit, b’investiment tnax-il miljun u nofs ewro, u l-erba’ miljun ewro mħabbra f’din il-konferenza.