Mil-lejla sal-Ħamis li ġej, il-Partit Laburista se jlaqqa’ l-Konferenza Ġenerali Straordinarja bit-tema ‘Il-Ġid għall-Maltin’, bil-għan li jkompli bil-proċess ta’ tiġdid fi ħdanu.
Il-Partit Laburista mill-Gvern qed ikompli jagħraf il-ħtieġa li jsaħħaħ l-amministrazzjoni, il-midja u l-komunikazzjoni, u issa anke l-għeruq tiegħu.
Il-Partit Laburista se jerġa’ jsejjaħ lill-għeruq tiegħu biex, magħhom, jiddiskuti żewġ mozzjonijiet importanti.
L-ewwel waħda se tipproponi numru t’emendi fl-istatut għat-tisħiħ tal-għeruq tal-Partit, filwaqt lit-tieni mozzjoni se tittratta l-ħatra t’awdituri ġodda.
Il-qofol tal-Konferenza Ġenerali Straordinarja mistenni jintlaħaq il-Ħamis, mis-sitta ta’ filgħaxija ’l quddiem, fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista l-Ħamrun, meta jsiru d-diskorsi tal-President, iż-żewġ Deputati Mexxejja u l-għeluq mill-Prim Ministru u Mexxej Laburista, Robert Abela.