Fl-aħħar ta’ tmiem il-ġimgħa li ġej madwar 100 imprenditur lokali se jesebixxu l-prodotti tagħhom, fit-tielet edizzjoni tal-Fiera Kwalità Malta li hija organizzata mill-Partit Laburista.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Parit Laburista, Randolph Debattista qal li l-fiera se sservi ta’ pjattaforma għall-imprendituri Maltin u se tippromovi wkoll ix-xogħlijiet tagħhom u s-suċċessi li għamlu matul iż-żmien:
“Il-Partit Laburista jagħmel il-parti tiegħu wkoll billi jippromovi n-negozji, is-suċċessi tan-negozzji Maltin u Għawdxin, dawk in-negozzji żgħar u oħrajn kbar”.
F’din il-fiera se jesebixxu diversi imprendituri min diversi oqsma bħal dawk tal-moda, tal-ikel u dawk kulturali.
Il-pubbliku se jkollu l-opportunità li jara d-differenza li għamlu l-impredituri matul iż-żmien, minħabba li l-ekonomija qiegħda tikber min sena għal oħra:
“L-ekonomija sejra tajjeb ħafna, allura kellek impredituri li bdew f’negozju partikulari f’settur imbagħad iddiversifikaw għal setturi oħrajn. U dak hu s-sabiħ ta’ Kwalita’ Malta ta’ din is-sena, dak li ħa jkun differenti minn tas-snin ta’ qabel ilhi se naraw negozji li forsi kienu hemmhekk fl-ewwel edizzjoni u din id-darba komplew jiżviluppaw u jkabbru u allura se joffru żġur xi ħaġa għal kulħadd”.
Il-ftuħ tal-fiera ser jsir il-Ġimgħa għall-ħabta tas-18:00 mill-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Joseph Muscat.
Il-fiera tkompli s-Sibt fejn se tkun miftuħa mill-10:00 sal-22:00, u l-Ħadd mill-10:00 sat-20:00:
“Jien inħeġġeġ lill-pubbliku inġenerali, lil familji, ejjew bit-tfal. Żġur ilhi se jkun hemm xi ħaġa għal kulħadd u se tieħdu pjaċir, id-dħul huwa b’xejn u allura l-appuntament huwa għal dan il-weekend Ta’ Qali, Kwalita’ Malta”.
Il-fiera Kwalità Malta se tkun miftuħa bejn il-Ġimgħa u l-Ħadd li ġej, fl-MFCC f’Ta’ Qali.