Aktar minn tliet mitt professjonist mediku minn kull rokna tad-dinja jinsabu f’pajjiżna għal konferenza tal-Commonwealth; li mifruxa fuq jumejn qed tittella’ f’lukanda ewlenija fil-Qawra.
Il-maġġoranza tal-professjonisti huma qwiebel u infermiera, u ħafna minnhom ġejjin mill-Ingilterra u Ċipru.
Il-President tal-Unjin Maltija tal-Qwiebel u l-Infermiera Maria Cutajar, spjegat li taħt saqaf wieħed, il-professjonisti qed jiddiskutu l-aktar riċerka riċenti li saret fis-settur biex flimkien jaqsmu l-ideat ħalli jaraw xi żviluppi jistgħu jsiru biex tissaħħaħ il-kura li tingħata lill-pazjent.
“Hemm best practices li huma komuni kemm lokali u internazzjonali u jkun hemm oħrajn li juru li aħna qegħdin anki ’l quddiem minn pajjiżi oħra jew inkella viċi-versa u bis-saħħa t’hekk waqt id-diskussjoni naraw x’qed nagħmlu aħna lokalment, fejn nistgħu mmorru għax jista’ jkun naraw li qegħdin tajjeb ukoll, u through dawn ix-sharing of experiences intejbu dak li nkunu qed nagħmlu mal-pazjent,” qalet is-Sinjura Cutajar.
Din il-konferenza reġjonali Ewropea qed tittella’ għat-tlettax-il sena konsekuttiva mill-Federazzjoni tal-Infermiera u Qwiebel tal-Commonwealth.
Il-Ministru tat-Turiżmu Konrad Mizzi nnota li permezz ta’ laqgħat bħal dawn, Malta tkompli ssaħħaħ il-pożizzjoni tagħha bħala ċentru informattiv, biex pajjiżna jkompli jsir ċentru għall-konferenzi u laqgħat ta’ livell għoli.
Innota li huwa fatt pożittiv ħafna li wara ċ-CHOGM tal-2015, f’pajjiżna baqgħu jittellgħu laqgħat mill-Commonwealth, u dan jikkonferma kemm ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna qed tikber u tissaħħaħ fuq livell reġjonali.
“Flimkien mal-Gvern, l-MUMN qed taħdem ħafna u dawn l-aħħar snin ħdimna biex inwessgħu kemm jista’ jkun l-edukazzjoni għan-nurses. Filwaqt li għandna l-Universita ta’ Malta li għandha fakulta b’saħħitha ħafna fin-nursing, ħdimna biex ġibna Malta lin-Northumbria University. Il-programmi tan-Northumbria bħalissa huma fully operational u qed jagħtu u jsaħħu l-best practice ta’ Malta f’dan is-suq,” qal il-Ministru Mizzi.