B’sereta mibjugħa kollha, mijiet ta’ persuni attendew għall-kunċert tal-Orkestra Filarmonika “The Prime Minister’s Playlist.”
Kunċert li kien ikkaratterizzat minn varjeta’ ta’ siltiet ta’ mużika li jfissru xi ħaġa għall-Prim Ministru Joseph Muscat, li flimkien ma’ familtu s-Sibt filgħaxija attenda bi ħġaru. Kanzunetta wara oħra, iċ-ċapċip ma naqasx b’artisti bħal Chris Grech, The Travellers, Kevin Borg, Glenn Vella, Tiziana fost oħrajn ikkumplimentaw il-lejla b’talent mill-isbaħ li jpaxxi l-widnejn.
B’kanzunetti li jvarjaw minn artisti bħal Lana del Rey, David Bowie, Gianna Nannini u gruppi mużikali bħal Pink Floyd u Coldplay, il-kunċert mexa ħarir b’dawk preżenti jistgħu jgħidu li ħarġu mis-serata b’tbissima fuq fommom u b’kanzunetta minn dawk li ndaqqu mnaqqxa f’moħħom.
Wara d-domanda kbira li kien hemm, hekk kif inbiegħu l-biljetti kollha għas-serata tas-Sibt, ittieħdet deċiżjoni biex issir serata oħra l-Ħadd ħamsa u għoxrin ta’ Frar. Dan sabiex min tilef iċ-ċans biex jattendi għal dik tas-Sibt jieħu l-opportunita’ biex jattendi u jisma’ l-mużika.
Ritratt: Ray Mizzi