Bl-għajnuna tal-aġenzija Servizzi Ewropej f’Malta, fl-aħħar sentejn, aktar minn €20 miljun f’fondi Ewropej ġew investiti fil-ħaddiema biex ikunu jistgħu jaħdmu b’mod aktar effiċjenti u jtejbu l-ħiliet tagħhom.
SEM hi aġenzija tal-Gvern bil-għan li tippromwovi l-opportunitajiet li jeżistu, waqt li wkoll tassisti u tgħin fl-implimentazzjoni ta’ proġetti, biex il-fondi Ewropej jitqassmu b’mod li minnu jkunu jistgħu jibbenefikaw ħafna nies.
Jirriżulta lil ONE News li 68 intrapriża wettqu proġetti b’valur ta’ iżjed minn €4.5 miljun għat-tkabbir tan-negozju u l-ħiliet tal-ħaddiema.
Fl-istess ħin, 83 għaqda volontarja, skejjel u entitajiet governattivi ħadu maż-€2 miljun oħra għal proġetti ta’ skambji, tkabbir tal-għarfien u tal-ħiliet tal-ħaddiema tagħhom.
Madwar 70 bidwi wkoll applikaw u ggwadanjaw flimkien minn €5 miljun biex jimmodernizzaw l-għodda tagħhom u jħaffu xogħolhom.
Tkellimna mal-Kap Eżekuttiv ta’ Servizzi Ewropej f’Malta, Rodrick Zerafa, li, fl-isfond anke ta’ Jum il-Ħaddiem, tenna li l-għajnuna għall-ħaddiema lokali kienet waħda b’saħħitha.
“Bħala Servizzi Ewropej f’Malta, nemmnu li l-ħaddiema huma parti integrali mill-ekonomija tal-pajjiż. Tul l-aħħar sentejn permezz tal-fondi Ewropej, ukoll investejna fil-ħaddiem. Madwar 225 persuna u organizzazzjoni, ibbenefikaw mis-servizzi tagħna u dan ifisser li ħadu madwar €20 miljun, li permezz tagħhom investejna kemm fl-effiċċjenza, is-sostenibiltà, però anke fit-taħriġ tal-ħaddiema nfushom.”
Il-Kap Eżekuttiv ta’ SEM, Rodrick Zerafa
Hu żied jispjega li l-ħaddiema għandu jkollhom l-għodda kollha neċessarja biex jimxu ’l quddiem.
“Irridu naraw li l-ħaddiema tagħna jkollhom l-għodda kollha neċessarja biex huma wkoll jimxu ’l quddiem u jagħtu dak l-impetu importanti – l-ekonomija ta’ pajjiżna.”
Il-Kap Eżekuttiv ta’ SEM, Rodrick Zerafa
Servizzi Ewropej f’Malta toffri tagħrif u kull assistenza relatata kemm b’imejl fuq info.sem@gov.mt jew bit-telefown fuq 2779 7300.