Mijiet ta’ familji Maltin attendew bi ħġarhom għall-ewwel edizzjoni ta’ Festa Ħaddiem – Minn Id il-Public Works organizzata mis-Segretarjat Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi u d-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi fiż-Żona tal-Kunċerti f’Ta’ Qali, żona li tagħmel parti mill-ikbar spazju miftuħ u aħdar fil-pajjiż.
Fuq jumejn, iż-Żona tal-Kunċerti nbidlet f’żona ta’ esebizzjoni ta’ xogħol tas-snajja’, divertiment u logħob fejn mijiet ta’ familji setgħu mhux biss jaraw aktar mill-qrib ix-xogħol tas-snajja’ li 600 ħaddiem tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi qegħdin iwettqu fi proġetti importanti madwar il-pajjiż, iżda wkoll setgħu jqattgħu ħin ta’ kwalità mat-tfal u mal-familjari tagħhom.

Is-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi Omar Farrugia, waqt żjara li għamel lill-ħaddiema tal-Public Works u lill-familji fiż-Żona tal-Kunċerti, qal li l-politika tal-gvern f’dak li għandu x’jaqsam spazji miftuħa ma tiqafx mal-ftuħ ta’ spazju miftuħ, iżda tmur lil hinn. “Kull spazju miftuħ u aħdar li niftħu qegħdin naraw li bħalma rajna waqt din iċ-ċelebrazzjoni għall-familji kollha, jitgawda bl-aħjar mod mill-familji, tfal, żgħażagħ u anzjani għaliex l-għan primarju tagħna huwa li nkomplu ntejbu l-kwalità tal-ħajja.”

Is-Segretarju Parlamentari Farrugia temm jgħid, “Huwa ta’ sodisfazzjon kbir li tara l-familji Maltin japprezzaw is-sengħa tal-id tal-ħaddiema tagħna kif ukoll li tara t-tfal jiġru u jilagħbu waqt li jqattgħu ħin prezzjuż mal-għeżież tagħhom.”