Il-Park tal-Familja ta’ Marsaskala nbidel f’dinja maġika għall-familja kollha, b’attivitajiet u tiżjin marbuta mal-Halloween.
Tul il-jum tal-Ħadd, mijiet ta’ familji rħewlha lejn dan il-park fin-naħa t’isfel ta’ Malta biex jesperjenzaw dawn l-attivitajiet bħala parti mill-avveniment Wirt in-Natura.
Imtella’ mill-Ministeru għall-Ambjent u Project Green, it-tieni edizzjoni ta’ Wirt in-Natura għal din is-sena rat logħob edukattiv, sessjonijiet ta’ arti u crafts, taħriġ prattiku dwar il-pjanti fil-qsari, mużika, ikel u xorb, face painting u attivitajiet oħra għat-tfal.
Għal din l-attività nfetħet għall-ewwel darba żona ġdida tal-picnics ta’ elf u tliet mitt metru kwadru f’parti mill-Park li qabel ma kinitx tintuża.
Project Green irriġenerat din iż-żona bi struttura ta’ kenn u dell forma ta’ fjura kbira, siġar u arbuxelli, imwejjed u bankijiet u xogħlijiet oħra.
Il-Ministru għall-Ambjent, Miriam Dalli spjegat kif ta’ kull sena, Wirt in-Natura tqarreb ħafna familji lejn il-parks f’Malta.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Project Green, Steve Ellul spjega li ż-żona ġdida tal-picnics fil-Park ta’ Marsaskala tiżgura li dan l-ispazju miftuħ ikun jista’ jintuża matul is-sena kollha.
F’Diċembru li ġej, se tkun organizzata t-tielet edizzjoni ta’ Christmas in the Park, attività popolari oħra b’tema ambjentali fi żmien il-Milied, fil-Park tas-Salina, f’San Pawl il-Baħar.