Mijiet ta’ dokumenti ta’ Sir Adrian Dingli, li jmorru lura għal bidu tas-seklu 19 meta Malta kienet għadha qed tibda tifforma parti mill-Imperu Brittaniku, saru parti mill-Arkivji Nazzjonali. Din il-kollezzjoni hija l-akbar waħda minn sitt kollezzjonijiet arkivistiċi li l-Arkivji Nazzjonali għadu kemm akkwista mingħand Dr Albert Ganado.
Dan ġie mħabbar mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici waqt konferenza tal-aħbarijiet, fejn sostna li dawn id-dokumenti huma ta’ importanza kbira għaliex permezz tagħhom se jkomplu jżommu l-istorja bħala parti integrali minn ħajjet pajjiżna u se jkomplu jagħtuha l-importanza mistħoqqa.
L-Arkivista Nazzjonali Dr Charles Farrugia saħaq li dawn il-kollezzjonijiet huma importanti għaliex jikkumplimentaw id-dokumenti li diġà jinsabu fl-Arkivji Nazzjonali u jwasslu għal stampa aktar sħiħa.
Sir Adrian Dingli twieled il-Belt Valletta fl-1817 ġewwa familja marbuta mal-amministrazzjoni tal-ġustizzja; fil-fatt, missieru Paolo serva bħala Imħallef u President tal-Qorti tal-Appell. Dokumentazzjoni tal-Imħallef Paolo Dingli tinsab f’din il-kollezzjoni. Il-kollezzjoni tinkludi numru kbir ta’ rapporti dwar materji legali, dokumenti marbuta ma’ l-abbozzar tal-liġijiet, ammont ta’ korrispondenza u dokumenti oħra ta’ importanza nazzjonali. Insibu wkoll dokumenti marbuta mal-Prim Imħallef Sir John Stoddart (1773-1856), l-aħħar Imħallef Ingliż maħtur f’Malta u li kien tneħħa mill-awtoritajiet Brittaniċi fl-1838.