Mijiet ta’ ċiklisti u sewwieqa ta’ muturi, il-Ħadd filgħodu ħadu sehem f’pellegrinaġġ mill-isbaħ li issa sar parti mill-kalendarju tal-Maltin u l-Għawdxin.
Dan hekk kif għall-okkażjoni tal-festa tal-Madonna tal-Grazzja bosta persuni ngħaqdu flimkien biex proprju jimmarkaw dan il-jum.
Kien fid-disgħa ta’ filgħodu li għadd ta’ ċiklisti rħewlha mir-Rabat fejn għaddew minn numru ta’ lokalitajiet, dan filwaqt li bosta muturi għamlu t-tluq tagħhom mill-Mosta.
Il-qofol intlaħaq f’Misraħ Ħaż-Żabbar fejn ilkoll iltaqgħu flimkien u ngħataw merħba mill-isbaħ minn għadd ta’ persuni li kienu qed jistennewhom f’Ħaż-Żabbar stess.
Mal-wasla tal-muturi u roti quddiem il-knisja ta’ Ħaż Żabbar, l-Arċipriet tar-raħal Dun Roderick Camilleri skont it-tradizzjoni, bierek il-folla preżenti b’ringrazzjament lill-Madonna tal-Grazzja, li hija wkoll il-protettriċi tas-sewwieqa tal-muturi.
Tkellimna ma’ numru ta’ persuni li ħadu sehem waqt dan il-pellegrinaġġ li qalulna għalfejn jieħdu sehem matul dan il-pellegrinaġġ.
Bosta faħħru din l-inizjattiva hekk kif kull lokalità li ħadet sehem f’din it-tradizzjoni rat numru ta’ persuni li laqgħu lir-roti u lill-muturi waqt il-pellegrinaġġ, b’numru ta’ għaqdiet tal-armar anke tellgħu bnadar.