Mal-ħames mitt bidwi u raħħal bl-inġenji tagħhom, saqu minn Ta’ Qali għall-Marsa fi protesta paċifika biex isemmgħu leħinhom kontra direttivi tal-Unjoni Ewropea, li qed jolqtu ħażin lis-settur agrikolu.
Din hija t-tieni protesta f’ġimagħtejn, fejn il-bdiewa u r-raħħala ħarġu bil-vetturi u l-inġenji tagħhom f’Ta’ Qali u saqu sa ħdejn il-port fejn jidħlu l-prodotti importati bil-katamaran.
Bl-għajta, ‘No Farmers, No Food’, il-messaġġ ewlieni fil-protesta kien li l-Unjoni Ewropea qed toqtol lill-bdiewa tagħha, kif anki tenna f’kummenti ma’ ONE News, il-President tal-Għaqda Bdiewi Attivi, Malcolm Borg.
“Ċertu regoli bħalissa li ġejjin mill-Unjoni Ewropea u ċertu pjanijiet qegħdin jheddu l-għajxien tal-bdiewa u r-raħħala Maltin.”
Il-President tal-Għaqda Bdiewa Attivi Malcolm Borg
Huwa żied jgħid kif fl-aħħar ġimgħat kien hemm djalogu miftuħ mal-awtoritajiet, inkluż mal-Prim Ministru Robert Abela, iżda nħass il-bżonn li jerġgħu jsemmgħu leħinhom bħalma qed jagħmlu bdiewa f’pajjiżi oħra biex jasal il-messaġġ.
Fl-istess ħin ippreżentaw numru ta’ proposti fl-isfond ta’ dak li qed tipproponi l-Unjoni Ewropea, li permezz tal-Green Deal, trid li jitnaqqas il-fertiliser u anki l-bexx fil-ħidma tal-bdiewa.
“Kellna djalogu, jiġifieri mal-Prim Ministru stess u anki mal-Ministru tal-Agrikoltura, jiġifieri qegħdin jisimgħu dak li qed ngħidulhom aħna. Qegħdin jiddjalogaw magħna u nispera li l-proposti tal-lum jisimgħuhom għaliex id-djalogu huwa miftuħ u m’għandix dubju li ħa jilqgħu dawn il-proposti bil-għan li, nisperaw, ikunu mwettqa.”
Il-President tal-Għaqda Bdiewa Attivi Malcolm Borg
Preżenti fosthom kien hemm il-Ministru u s-Segretarju Parlamentari responsabbli mis-settur agrikolu, Anton Refalo u Alicia Bugeja Said, rispettivament, li semgħu t-tħassib tal-bdiewa u r-raħħala u wegħduhom aktar ħidma u djalogu miftuħ.
Il-bdiewa Maltin ingħaqdu ma’ bosta pajjiżi Ewropej, li fl-aħħar ġimgħat u jiem, ħarġu jipprotestaw, inkluż fil-Ġermanja, Franza, l-Olanda u anke fil-Belġju fejn huma kkonċentrati l-istituzzjonijiet Ewropej.