Mijiet ta’ persuni huma maħsuba li mietu fuq il-gżira ta’ Mayotte sitwata fit-territorju Franċiż tal-Oċean Indjan wara li ntlaqtet minn ċiklun qawwi.
Bi rwiefen qawwija ta’ aktar minn 225 kilometru fis-siegħa, iċ-ċiklun Chido ddevasta għal kollox villaġġi bl-aktar milquta jkunu dawk fejn jgħixu l-ifqar nies f’xelters improvizzati.
Ħaddiema tas-salvataġġ, inkluż dawk li ntbagħtu minn Franza, qed ifittxu qalb it-tifrik għal nies li setgħu salvaw.
Ħsara estensiva fl-infrastruttura, inkluż fil-linji tal-elettriku u toroq imblokkati, qed jagħmilha ferm diffiċli lill-operazzjonijiet ta’ emerġenza.
Uħud mill-popolazzjoni ta’ Mayotte, li tammonta għal 320,000 ruħ, qalu li qed jaffaċċjaw nuqqas kbir ta’ ikel, ilma u postijiet ta’ kenn, b’uħud mir-residenti ilhom bla ilma għal tliet ijiem.
Huwa maħsub, li l-agħar li ntlaqtu huma l-komunitajiet fqar inklużi migranti mhux dokumentati li vvjaġġaw lejn it-territorju Franċiż fi sforz biex jingħataw l-ażil.
Il-popolazzjoni ta’ Mayotte tiddependi ħafna fuq l-għajnuna finanzjarja Franċiża u ilha tissielet mal-faqar, il-qgħad u l-instabilità politika. Madwar 75% tal-popolazzjoni tgħix taħt il-linja nazzjonali tal-faqar u nies li ma jaħdmux hemm wieħed minn kull tlieta.
Iċ-ċiklun Chido laqat ukoll il-kosta tal-Mozambique fejn ġab miegħu għargħar, qlugħ ta’ siġar u kisser binjiet madwar 40km fin-Nofsinhar tal-belt tat-Tramuntana Pemba.