Mijiet ta’ nies inġabru fil-Kapitali Russa, Moska, għall-funeral tal-Mexxej tal-Oppożizzjoni Russa Alexei Navalny li miet il-ħabs ftit tal-jiem ilu.
Il-midja internazzjonali rrappurtat li madwar it-toroq kien hemm preżenza qawwija ta’ pulizija armati, lesta biex tieħu azzjoni kontra dawk li attendew u kienu se jgħidu xi ħaġa kontra t-tmexxija tal-pajjiż.
Fil-fatt intqal kif dawk li marru biex isegwu l-funerali minn barra l-Knisja Ortdossa, kienu jafu li għandhom ċans jiġu arrestati hekk kif qed juru sapport lil persuna li kkritikat bl-aħrax il-Gvern Russu.
Għall-funeral dehru wkoll numru ta’ dinjitarji, fosthom l-Ambaxxatur Amerika fir-Russja.
Spikkat iżda l-preżenza ta’ omm Navalny, li meta rawha n-nies bdew jitolbuha skuża għal dak li ġara li binha. Dan fi sfond tal-għajta mill-folla tal-isem Alexei, u li qatt m’huma se jinsewh.
Mart Alexei, Yulia, m’attendietx għall-funeral u tinsab barra mir-Russja miħabba tħassib kbir ta’ rippressjoni mill-Kremilin. F’post fuq il-midja soċjali rringrazzjat lil żewġha għal 26 sena ta’ ferħ ma xulxin.
Navalny kien qed jinżamm il-ħabs fuq akkużi ta’ oppożizzjoni lejn il-Gvern, b’bosta pajjiżi u mart il-vittma qalu li Vladimr Putin huwa l-moħħ wara dan il-qtil.
Alexei Navalny ġie midfun f’ċimiterju fil-periferija ta’ Moska.