Fl-aħħar ġimgħat u xhur l-istudenti esperjenzaw il-ħajja fis-selvaġġ f’Malta mill-kumdità ta’ djarhom bis-saħħa ta’ numru ta’ żjarat edukattivi virtwali finnatura u lezzjonijiet online.
Qalet dan il-Birdlife Malta fejn spjegat kif bi żjarat virtwali fin-natura li qed jiġu pprovduti permezz ta’ videos edukattivi rrekordjati minn qabel li jiggwidaw lill-istudenti kif josservaw in-natura lokali u jwieġbu domandi relatati mal-kurrikulu tagħhom.
Min-naħa loħra s-sessjonijiet fis-sensiela Dinja Waħda LIVE huma lezzjonijiet divertenti u informattivi dwar in-natura adattati kemm għat-tfal żgħar kif ukoll għall-adulti.
Il-Birdlife Malta qalu li fl-aħħar tliet ġimgħat, udjenzi ta’ aktar minn 200 student u għalliem daħlu online biex jingħaqdu magħhom ħalli jitgħallmu dwar il-passa, id-dakra u lbejtiet ta’ speċi differenti, fost suġġetti oħra.
Dinja Waħda huwa l-programm edukattiv prinċipali ta’ BirdLife Malta li permezz tiegħu 75% tal-iskejjel Primarji ta’ Malta u Għawdex qed jesperjenzaw tagħlim ibbażat fuq in-natura.
Il-Birlife Malta qalu li l-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol ukoll qed jagħti sehmu biex l-istudenti jibqgħu f’kuntatt man-natura billi qed ipoġġi r-riżorsi ta’ BirdLife Malta disponibbli fuq is-sit elettroniku ġdid Teleskola. Hawnhekk wieħed isib ideat dwar kif jista’ josserva n-natura mit-tieqa tad-dar flimkien ma’ għadd ta’ logħob edukattiv u crafts divertenti li wieħed jista’ jgawdi mal-familja.
Dawn ir-riżorsi edukattivi huma servizz temporanji li qed tipprovdi BirdLife Malta u li nħolqu apposta għaż-żmien tal-pandemija COVID-19, u se jibqgħu fis-seħħ sakemm jerġgħu jiftħu l-iskejjel.
L-iskejjel u l-familji huma mħeġġa jerġgħu jibdew iżuru r-riservi naturali tagħna u jibbukkjaw iż-żjarat mal-field teachers fir-riservi naturali ta’ BirdLife Malta jew fil-Buskett meta l-affarijiet jerġgħu lura għan-normal.
Birdlife Malta żiedet tgħid li matul il-ġranet normali tal-iskola, eluf ta’ tfal mill-iskejjel kollha jżuru r-riservi naturali tagħna, waqt li dawn ikunu miftuħin għall-pubbliku b’xejn matul ilweekends u f’ċerti ġranet matul il-ġimgħa.