Il-Kummissjoni Maltija tal-Films għadha kemm temmet kampanja intenzjonata biex tiġbed kemm jista’ jkun persuni lejn il-qasam tal-films f’pajjiżna.
Dan huwa qasam li jiġġenera impjiegi f’diversi setturi. Fost oħrajn hemm opportunitajiet għal accountants, persuni tekniċi, persuni li jħaddmu l-camera, uffiċjali tas-sigurtà, mastrudaxxi, skulturi, artisti tal-make-up, ħajjata, stilisti tax-xagħar, script supervisors u pitturi.
Kienu mijiet dawk li esprimew interess għal din is-sejħa u applikaw biex jingħataw taħriġ f’dan is-settur. Hekk kif is-sejħa intemmet fl-aħħar ta’ Frar, issa l-Kummissjoni qed torganizza sessjoni ta’ informazzjoni għal dawk kollha li ssottomettew isimhom.
Din is-sessjoni se ssir nhar l-Erbgħa, 8 ta’ Marzu, fil-Lukanda Radisson Blu, San Ġiljan, fis-18:30.
Waqt din il-laqgħa, dawk kollha li applikaw se jkunu jistgħu jistaqsu domandi lill-Kummissarju tal-Films Johann Grech.
Is-sena li għaddiet, l-industrija tal-films f’Malta ħalliet €85 miljun fl-ekonomija Maltija: l-akbar effett ekonomiku f’dawn l-aħħar 10 snin. L-2022 rat 24 produzzjoni jinħadmu f’pajjiżna, u aktar minn 900 Malti u 1000 barrani ħadmu f’dan il-qasam.